Passiġġieri eżaminati għall-Coronavirus malli jirfsu Malta – One News

Notifiki

Passiġġieri eżaminati għall-Coronavirus malli jirfsu Malta

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li fost l-oħrajn fl-ajruport qed jiġu eżaminati passiġġieri li jkunu ġejjin minn pajjiżi fejn hemm it-tixrid tal-coronavirus.

Fil-mitjar ta’ Ħal Luqa hemm proċess ta’ screening minn professjonisti tas-saħħa, 24 siegħa kuljum. Kull persuna li tkun ġejja minn xi post fejn hemm tixrid tal-virus tkun skrinjata. Dan isir f’ċentru ta’ iżolament speċjali ġol-mitjar stess. L-istess jiġri ġol-cruiseliner terminal tal-Port il-Kbir.” Stqarr id-Deputat Prim Ministru.

Fi stqarrija Ministerjali, id-Deputat Prim Ministru qal li r-riżultat ta’ test joħroġ f’sagħtejn.

Assigura li s’issa f’pajjiżna m’hawn l-ebda każ ta’ dan il-virus, u li t-tixrid tiegħu fil-kontinent Ewropew huwa taħt kontroll.

Qal bis-saħħa ta’ mekkaniżmu Ewropew, malli il-Kummissjoni Ewropea takkwista l-vaċċin għal coronavirus, dan jitqassam mal-pajjiżi membri.

Chris Fearne qal li l-Gvern qed jippjana li jtellaq kampanja edukattiva u ta’ għarfien dwar il-coronavirus.

Tenna li d-dipartiment għall-kontroll tal-infezzjonijiet jinsab imħejji għal kull eventwalità u spjega li hemm post ta’ iżolament barra l-isptar Mater Dei biex fih ikunu jistgħu jiddaħħlu nies li jkunu jeħtieġu l-kura b’rabta ma’ dan il-virus.

Min-naħa tiegħu id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qabel mal-Gvern li m’hawnx lok għall-allarm u qal li l-awtoritajiet huma mħejjija u għandhom l-għodda u r-riżorsi meħtieġa biex jilqgħu għal dan il-virus.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend