Il-Gvern permezz tal-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Socjali nieda sett ta’ standards għal tfal li jkunu qegħdin f’ħarsien alternattiv bħal fostering kif ukoll oħrajn fi djar residenzjali.
It-tnedija saret f’Dar Frate Jacoba, residenza għal tfal b’imġieba diffiċli. Bħalissa f’din id-dar qegħdin jgħixu 8 subien.
Fost dawn l-istandards li se jolqtu madwar 450 tifel u tifla, hemm li t-tfal ikollhom irwol fid-deċiżjonijiet li jittieħdu dwarhom u li jingħataw spjegazzjoni għalfejn se jkunu qegħdin jgħixu f’residenza ‘il bogħod mill-familji tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-istandards ta’ ħarsien socjali Matthew Vella, qal li l-istandards jirriflettu l-bżonnijiet tat-tfal. Spjega li fl-aħħar mill-aħħar it-tfal jistħoqqilhom l-aqwa servizzi possibbli.
F’pajjiżna hawn mal-20 dar residenzjali għat-tfal filwaqt li 4 oħra jinsabu fil-proċess li jiksbu liċenzja sabiex joffru kenn għal tfal oħra. Apparti minn hekk hemm 4 servizzi oħra li jingħataw mill-uffiċċju.
Il-Ministru għas-Solidarjeta Soċjali Michael Falzon qal li dan hu qasam delikat li jrid jingħata importanza speċifika. Semma li l-investiment fil-kura tat-tfal mhuwiex sempliċiment karità iżda investiment fil-futur tas-soċjetà.