Il-Gvern Malti jopponi regolament Ewropew li ser jaffettwa ħażin l-industrija tal-ġarr tal-merkanzija – One News

Il-Gvern Malti jopponi regolament Ewropew li ser jaffettwa ħażin l-industrija tal-ġarr tal-merkanzija

Il-Gvern flimkien ma’ 8 pajjiżi oħra qiegħed joġġezzjona għal proposta għal regolament ġdid Ewropew li se jaffettwa ħażin l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li t-trakkijiet li jġorru l-kontejners iridu jmorru lura fil-pajjiż tal-oriġini, minflok il-prassi preżenti li jħottu l-kontejner fuq vapur li imbagħad iwassal il-prodott fid-destinazzjoni finali.

Fil-fatt għada stess Malta flimkien ma’ Ċipru, il-Bulgarija, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija se jkunu qegħdin jiltaqgħu mal-Vici President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u l-Kummissarju tat-Trasport.

Il-Ministru Ian Borg f’laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ 4 kumpaniji lokali li joperaw fl-industrija tat-trasport tal-merkanzija f’pajjiżna qal li din se tolqot b’mod ħażin din l-industrija.

Qal li r-regolament il-ġdid li jobbliga l-operaturi jġibu t-trakkijiet lura Malta kull ftit żmien jista’ joħloq numru ta’ sfidi ġodda, kemm fir-rigward ta’ spejjeż kif ukoll f’termini ta’ ħin u ambjent.

Il-Ministru qal li regolament bħal dan joħnoq il-kompetittività għal pajjiż bħal Malta.

Il-Gvern Malti kommess li jkun minn ta’ quddiem fejn jidħol tibdil, inċentivi u inizjattivi favur arja aktar nadifa u kontra t-tibdil tal-klima. Dan irridu nagħmluh anke permezz ta’ tibdil fis-settur tat-trasport. Sadanittant dawn ir-regoli mhux se jkunu qed jgħinu dawn l-għanijiet, anzi se jkunu qed itellfu u jmorru kontra l-objettivi tal-UE għall-klima u l-Ftehim ta’ Pariġi. Apparti dan se jkunu qed itellfu l-ekonomija u l-industrija tat-trasport tal-merkanzija.” qal il-Ministru Ian Borg.

Min-naħa tagħhom l-operaturi spjegaw li b’dan ir-regolament ikollhom jinvestu f’iktar tagħmir sabiex ikun jistgħu isostnu s-servizzi li joffru, spiża li eventwalment tasal lura għand il-konsumatur.

Huma spjegaw li pajjiżna huwa dipendenti sew fuq l-importazzjoni ta’ prodotti u li fl-aħħar snin it-trasport tal-merkanzija żdied sew fl-ammont.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *