AĠĠORNAT: Comodini Cachia trid li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern ikun arrestat – One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Comodini Cachia trid li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern ikun arrestat

Tkompli tinstema’ x-xhieda fl-inkjesta pubblika dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

14:40: L-ewwel xhud li se jitla’ jixhed huwa l-kap tal-komunikazzjoni tal-Gvern Matthew Carbone. Jidher għalih hemm l-avukat Charlon Gouder.

14:49: Carbone ġie mistoqsi dwar l-allegazzjoni li l-qtil ta’ DCG kellu x’jaqsam ma’ fuel smuggling u jekk kellux x’jaqsam ma’ din l-allegazzjoni. Huwa qal li dak kollu li jaf mal-qtil sar jafu minn dak li ħareġ fil-ġurnali. Mistoqsi jekk kienx mitkellem minn xi ġurnalisti dwar dan huwa qal li le.

Carbone spjega li xogħol l-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Gvern huwa li jikkomunika l-aħbarijiet li joħorġu mill-Gvern u li ma kienx involut fl-ebda diskussjonijiet li kellhom x’jaqsmu ma’ Daphne Caruana Galizia. Qal li minn Awwissu li għadda sal-lum dejjem kien jitkellem mal-Prim Ministru dwar xi aħbar li l-PM ikun irid jikkomunika.

Kompla jgħid li ġieli tkellem ma’ ġurnalisti barranin fuq is-sitwazzjoni ġenerali – protesti, rule of law iżda mhux speċifikament dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa ġie mistoqsi jekk jafx x’inhu ‘The Truth Project’ – qal li sema’ bih iżda ma jaf xejn fuqu. Staqsa jekk hux l-istess bħal ‘The Daphne Project’.

Carbone qal li ġieli kien ikun ikkonsultat mal-Freedom of Information Act meta ssir xi talba iżda mhux dejjem. Qal li għal dan hemm sezzjoni apposta iżda ma jafx min jieħu l-aħħar deciżjoni. Hu kien biss jagħti l-fehma tiegħu fuq il-kontenut tad-domandi li hu personalment kien jircievi.

Qal li d-deċiżjoni dwar pubblikazzjoni finali ta’ tweġiba probabbilment kienet taqa’ taħt il-Freedom of Information Unit.

14:53: Ġie mistoqsi jekk l-inviti lill-media houses kienux joħorġu għal kulħadd jew jekk kienx hemm xi media house eskluża. Qal li l-proċedura hi li jiġi nfurmat id-Dipartiment tal-Informazzjoni li dan joħroġ l-invit. Semma li kien hemm każ partikolari fl-aħħar xahrejn tas-sena meta kien jiġi mistoqsi mill-midja barra Kastilja, bil-PM jagħżel li jwieġeb. Qal li dan il-każ ma kienx hemm sejħa għall-midja iżda kollox sar ad hoc.

14:55: Qal li l-Gvern qatt ma’ talab għall-access cards. B’referenza għal media house partikolari, qal li d-DOI ma joħroġx press card imma access card li din tagħti aċċess għall-avvenimenti tal-Gvern.

14:59: Kompla jgħid li huwa d-DOI li jibgħat l-inviti għall-avvenimenti lil kull min hu reġistrat b’access card. Madankollu, tenna li l-kalendarju tal-avvenimenti jinsab disponibbli onlajn u ma hemm l-ebda impediment biex kwalunkwe mezz tax-xandir biex jattendi.

Dwar Yorgen Fenech u 17 black, qal li huwa segwa r-rapporti fil-midja u qatt ma ddiskuta dan ma’ ħadd.

Mistoqsi jekk qattx ra lil Yorgen Fenech, qal li huwa jaħdem fit-tielet sular fejn hemm biss dak l-uffiċċju. Il-kumpletament tas-segretarjat tal-OPM qiegħed fit-tieni sular. Qal li qatt ma’ ra lil Fenech. Qal ukoll qatt ma kellem lil Fenech.

15:06: Mistoqsi qatt daħalx fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri, qal li ġieli daħal fuq xogħol. Lanqas hemmhekk qatt ma’ ra lil Fenech u li sa ftit xhur ilu qas kien jagħraf min hu.

Mistoqsi qattx ġew diskussi rapporti tal-FIAU ma’ individwi f’Kastilja jew ma’ xi ministru – qal li qatt ma ġara dan. Tenna li l-unika diskussjonijiet li kien ikollu kienu dejjem ikollhom x’jaqsmu ma’ komunikazzjoni.

Mistoqsi dwar ix-xhieda tiegħu fir-rapport tal-Egrant, qal li l-kwistjoni kollha kienet kalunja u gidba u li x-xhieda tiegħu f’dik l-inkjesta ma ttrattatx lis-Sinjura Caruana Galizia nnifisha.

Dwar il-Panama Papers, kien jitkellem dwarhom fil-kuntest ta’ komunikazzjoni u kif ħa jkun hemm reazzjoni għal aħbar jew oħra. Qal li dak iż-żmien kien ikun hemm l-iktar komunikazzjoni ma’ Kurt Farrugia.

Fuq livell politiku, kien ikun hemm diskussjonijiet biex pereżempju tinħareġ xi stqarrija jew xi ċaħda ta’ xi allegazzjoni li tkun saret.

15:07: Mistoqsi dwar is-sigurta f’Kastilja, qal li l-Forzi Armati jgħassu l-bibien u li l-Prim Ministru għandu l-uffiċjali tas-sigurta tiegħu personali. Hawnhekk interrompa l-avukat Gouder li qal li s-Sur Carbone huwa uffiċjal tal-komunikazzjoni u mhux tas-sigurta.

Dwar l-inċident li kien irrapurtat fil-midja dwar xi nies li allegatament żammew xi ġurnalisti milli joħorġu, qal li hemmhekk il-ġurnalisti ma ġewx imsakkrin. Tenna li l-unika sigurta li jaħdmu Kastilja huma l-forzi armati.

15:13: Dr Gouder reġa insista li x-xhud ma jistax jwieġeb xi ħaġa li tista tippreġudika xi investigazzjoni li hemm għaddejja. Dan fid-dawl li hemm protest ġudizzjarju dwar dan il-każ. Kompla jgħid li dawn m’għandhom x’jaqsmu xejn mat-termini tar-referenza tal-inkjesta.

15:15: L-imħallef Michael Mallia kompla jistaqsi dwar l-identitá ta’ dawk in-nies li allegatament żammew lill-ġurnalisti. Carbone wieġeb li dakinhar fit-3am x’ħin spiccat laqgħa tal-kabinett, huwa niżel biex idaħħal il-ġurnalisti. Iżda hemmhekk, id-dimonstranti daħlu kastilja mal-ġurnalisti. Spjega li kien hemm assalt fuq il-bibien ta’ Kastilja.

15:17: Qal li wara dan li ġara, qal lil Joseph Muscat li l-aħjar din il-press conference tiġi posposta għall-ewwel xogħol għada filgħodu. Iżda Muscat ried li din issir, allura ħallew ftit ħin sabiex is-sitwazzjoni tikkalma.

15:18: Qal li imbagħad saret il-konferenza tal-aħbarijiet u hemmhekk skattat proċedura normalissima ta’ media management li ilha ssir 7 snin. Din hi l-PM joħroġ minn wara tas-sala tal-ambaxxaturi u jidħol fl-ufficju tiegħu. Il-ġurnalisti jintalbu jistennew sakemm dan isir. Spjega li sar eżatt l-istess 3 ġimgħat qabel fil-baġit.

15:19: 2 minuti wara, Carbone qal li ġie mgħajjar annimal u kliem ieħor dispreġġjattiv.

15:20: Qal li l-Ministri ma laħqux ħarġu meta beda t-tgħajjir. Qal li kien ilu hu u l-Gvern jiġu mkasbra.

15:21: Semma l-każ tal-Ministru Owen Bonnici u qal li ħadd ma tkellem għalih. Semma li kellu responsabbilitá li f’dak l-ambitu ta’ nies jgħajjru l-PM annimal, ma jiġux ħdejn xulxin għax kieku illum qed nitkellmu fuq assalt fuq Prim Ministru jew xi membru tal-Gvern.

15:22: Ix-xhud ippreżenta ritratti li juru l-ħsara li sofriet il-karozza tal-Ministru Owen Bonnici bħala eżempju tat-tgħajjir li esponenti tal-Gvern kienu qed jaffaċċjaw.

15:23: Dwar dakinhar tal-laqgħa tal-Kabinett, Carbone tenna li kellu r-responsabbilità ta’ iktar minn 50 ġurnalist inklużi ġurnalisti barranin. Barra minn hekk, kellu r-responsabbilità tal-Prim Ministru u għaldaqstant ma jafx in-nies li setgħu kienu Kastilja.

15:27: L-avukat Gouder reġa’ tenna li din il-materja qiegħda taħt investigazzjoni tal-Pulizija.

Carbone qal li qatt ma ġie mitkellem mill-Pulizija. Hawnhekk Therese Comodini Cachia issuġġeriet li Carbone jkun arrestat u mitkellem dwar dan il-każ.

15:32: L-Avukat Jason Azzopardi qed jgħid li x-xhud mhux iwieġeb. Akkużah li qed iqis ruħu ‘l fuq mil-liġi. Fil-pront il-Qorti qalet li hija hi li tiddeċiedi x’inhu ‘l fuq mil-liġi.

15:34: Mill-ġdid l-Avukat tax-xhud reġa tenna li x-xhud se jwieġeb biss dwar dak li għandu x’jaqsam strettament dwar ix-xogħol tiegħu.

15:36: Carbone ġie mitlub jidentifika n-nies kollha f’madwar 50 ritratt. Hawnhekk Jason Azzopardi qal lix-xhud biex ma jilgħabiex tal-“iblah“.

Gouder talab lill-Qorti sabiex Dr Azzopardi jimmodera l-linwaġġ.

15:38: Mir-ritratti, Carbone identifika l-post bħala Kastilja. L-ewwel persuna li għaraf mir-ritratti kien Nigel Vella, illum deputat kap tal-komunikazzjoni tal-Gvern. Dakinhar kien press coordinator.

Għaraf lil Joseph Scerri, li jaħdem fil-customer care tal-OPM. Għaraf lil Rueben Sciberras, li jaħdem f’ministeru. Qal li dan għaliex kien hemm il-Ministri preżenti dakinhar.

Dwar bniedem partikolari, qal li ġieli rah iżda ma jafx x’jismu. Azzopardi qal li ma jemminx li Carbone ma jafx min hu.

15:41: F’ritratt ieħor identifika lil Ronnie Vella u lil Nikhail Spiteri, it-tnejn jaħdmu fil-customer care tal-OPM. Għaraf ukoll lil Jason Bonnici, messaġġier fl-OPM.

15:43: Ix-xhud identifika lilu nnifsu f’ritratt ieħor.

15:45: Identifika persuna li taħdem biex tarma d-dawl għall-press conference. Il-persuna jisimha Nigel Vella (li mhux id-deputat kap tal-komunikazzjoni).

Għaraf persuna oħra li identifika bħala ‘Lionel’.

15:48: Dwar persuna oħra, qal li din tista’ tkun il-preżentatur ta’ TVM u ġurnalist Brian Hansford. Iżda r-ritratt jaqta’ parti mill-persuna u għalhekk mhux ċar.

15:50: Ix-xhud jagħraf lil Paul Caruana Galizia.

15:52: Mistoqsi dwar meta tkellem l-aħħar ma’ Keith Schembri, qal li dan kien fi żmien il-baġit fl-aħħar ta’ Ottubru.

Mistoqsi dwar l-operat ta’ Schembri f’Kastilja, qal li dan kellu assistent personali lil Kenneth Azzopardi u lil Charlene Bianco. Kellu staff ieħor ukoll.

15:54: Mistoqsi minn Comodini Cachia dwar ritratt tiegħu “jattendi” protesta ta’ Occupy Justice, ix-xhud qal li dan huwa malafamanti. Kien ħiereġ mix-xogħol xi 8pm minn St. Paul’s Streat. Qal li jkollu l-karozza pparkjata ħdejn il-Bank Ċentrali u kellu jaqsam il-pjazza. Qal li kien hemm media call u li ltaqa’ mal-ġurnalisti u mar ħdejn il-ġurnalisti u ħa ritratt ta’ xi ħaġa pubblika, u ġie mgħajjar talli għamel hekk.

Kompliet tistaqsi jekk kienx jaħdem ġurnalist ma’ One Productions. Qal li iva.

16:01: L-Avukat Jason Azzopardi staqsa dwar il-proċedura ta’ teħid ta’ minuti f’impenji tal-PM barra l-pajjiż u min jagħmlu. Carbone wieġeb li meta l-PM isiefer, il-kap tal-komunikazzjoni ma jieħux minuti imma noti ta’ x’qed jingħad fuq fuq biex tinkiteb stqarrija.

Azzopardi staqsa jekk dawn in-noti jinżammux fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Qal li n-notamenti joħorġu fl-istqarrija.

Azzopardi staqsa lil bord hux possibli li Carbone jipprovdi n-notamenti ta’ laqgħa f’Baku l-Ażerbajġan fejn Kurt Farrugia kien akkumpanja lil JM, Keith Schembri, Konrad Mizzi. Dr Gouder qal li din il-mistoqsija ma tistax issir u x-xhud ġa kkjarifika li ġa wieġeb.

Il-bord qed isaqsi lix-xhud jekk hemmx xi protokol ta’ żamm ta’ rekord. Carbone jwieġeb li hija l-istqarrija li żżomm rekord.

Azzopardi jistaqsi dwar ix-xhieda ta’ Carbone fil-kawża ta’ Adrian Delia biex jieħu kopja tal-inkjesta Egrant, fejn Carbone qal li ‘he felt indignant‘ għall-konklużjonijiet. Staqsa kif seta’ jasal għal din il-konklużjoni jekk suppost ma kellux kopja tal-inkjesta.

Carbone jwieġeb li ma jistax jara x’rilevanza għandha din il-mistoqsija. Imma qal li dak kien qalu abbażi tal-konklużjonijiet prinċipali li kienu pubbliċi.

Azzopardi staqsa jekk fl-aħħar sentejn kienx hemm xi talba għal intervista mal-PM minn midja barranija u jekk kienx hemm talbiet aċċettati bil-kundizzjoni li ma jsirux domandi dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Carbone jicħad li dan kien il-każ.

Waqt ix-xhieda tiegħu l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia għajru lil Carbone ‘mazzun’ u ‘iblah’ filwaqt li Azzopardi qal, “itfgħuh isfel’.

Carbone itemm ix-xhieda tiegħu.

16:05: Telgħet fuq il-pedana tax-xhud oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella li se tippreżenta xi dokumenti. Tgħid li għandha 2 dokumenti li skontha se jsaħħu l-inkjesta. Tgħid li dan mhux ibbażat fuq diċeriji.

16:08: L-informazzjoni titratta lil Josef Caruana u Neville Gafa, li t-tnejn se jixhdu llum. Vella tgħid li din l-informazzjoni hija dwar komunikazzjonijiet fuq Daphne Caruana Galizia li magħha għandhom x’jaqsmu ż-żewġ individwi.

Dwar Josef Caruana, tippreżenta screenshots mill-paġni tiegħu tal-midja socjali. Tallega li Caruana kiteb editorjali biex jinqerdu l-ġurnalisti inkluż Caruana Galizia, li endorsja kitbiet simili minn uffiċjali f’kastilja.

16:13: Fuq Neville Gafa, tgħid li saret taf fejn jaħdem mill-2013 lil hawn sa ma spiċċa minn mal-Gvern fl-14 ta’ Jannar ta’ din is-sena.

16:16: Tippreżenta screenshots tal-attività ta’ Gafa fuq il-midja soċjali.

16:20: Is-seduta tieqaf għal 5 minuti.

16:32: Lura fl-awla, tela’ jixhed Matthew Caruana Galizia li ppreżenta rapport dwar l-attivitajiet ta’ Glenn Bedingfield. Fost oħrajn semma il-website tiegħu u l-programm fuq ONE ‘Tanatnejn’.

16:52: Kellu jitla’ jixhed Neville Gafa, madanakollu, ix-xhieda ta’ qabel ħadet il-ħin u għaldaqstant qed ikun mitlub biex jitla’ jixhed nhar l-Erbgħa fis-2pm.

Se jitla jixhed minflok l-eks editur tal-Orizzont Josef Caruana.

16:55: Caruana spjega li jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u ilu minn Lulju tal-2017. Jgħid li xogħolu hu li jieħu ħsieb il-mistoqsijiet parlamentari.

Qal li qabel kien jaħdem mal-Union Print u meta spiċċa kien editur tal-Orizzont.

Mistoqsi mill-bord jekk qattx kiteb dwar DCG, qal li ġieli kiteb fil-gazzetta bħala rapportaġġ jew editorjal u anke fuq Facebook u Twitter.

Mistoqsi jekk qattx kiteb b’mod aħrax dwar Caruana Galizia, qal li dejjem żamm mal-parametri tal-liġi, tant li Caruana Galizia qatt m’għamlitlu kwerela jew xi libell.

Mistoqsi dwar kitba fuq ġurnalisti fosthom Caruana Galizia u oħrajn, qal li fil-fehma tiegħu dawn kienu qegħdin jagħmlu ħsara lill-ġurnalisti. Mistoqsi qattx sema bil-blog verubiss, qal li le.

16:59: Ix-xhud issa se jkun mistoqsi dwar l-informazzjoni li ssottomettiet iktar qabel Corinne Vella.

17:00: Qal li kitba minn Twitter indikata lilu ma jaragħfhiex. Qal li din hija bl-Ingliż, iżda aċċenna li hu dejjem kiteb bil-malti. Spjega li din tista’ tkun autoshare ta’ xi ħaġa li seta’ ra. Il-bord jiċċara li qegħdin jirreferu dwar posts ta veru biss.

Jerġa jtenni li hu kull kitba li kiteb dejjem kienet bil-Malti u mhux bl-Ingliż. Jekk hemm xi ħaġa bl-Ingliż tista tkun xi share.

Mistoqsi dwar kitba oħra bl-Ingliż u jekk jassoċċjax ruħu ma dik il-kitba, qal li m’għandux idea.

17:05: Mistoqsi dwar sigurta f’Kastilja qabel novembru 2019, qal li hemm sistema li meta wieħed jidħol kastilja jrid jirreġistra qabel jgħaddi minn mal-Forzi Armati. Fil-livelli ta’ fuq m’hemmx sigurta. Żied li hemm tim ieħor tas-sigurta personali tal-Prim ministru li jkunu dejjem miegħu. Jgħid li jkunu madwar sitta.

17:12: Il-bord jagħmel l-istess mistoqsija li qabel għamel lil Matthew Carbone. Fil-fatt Caruana ġie mistoqsi dwar l-allegazzjoni li l-qtil ta’ DCG kellu x’jaqsam ma’ fuel smuggling.

Caruana jgħid li l-ġurnali kollha kienu rraportaw din l-istorja.

L-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi kif saret din l-assoċjazzjoni ta’ traffikar ta’ fjuwil mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Jgħid li fiż-żmien tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa kien spiċċa mill-ġurnaliżmu.

Tkompli issaqsi jekk huwiex membru tal-grupp ‘Laburisti Magħqudin‘ – jgħid li iva.

Jgħid li kien juża l-grupp għall-promozzjoni meta kien kandidat għall-Parlament Ewropew is-sena li għaddiet.

Dwar ‘The Truth Project‘ – jgħid li jafx dan x’inhu.

Fuq ix-xogħol tiegħu, jgħid li hu ma kellux x’jaqsam ma’ xogħol ta’ komunikazzjoni. Hu kien inkarigat biss mill-PQ’s.

17:14: Dr Lofaro terġa’ ssaqsi dwar it-traffikar tal-fjuwil, Caruana jgħid li jista’ jkun li xxerja xi storja dwar dan. Iżda żgur ma ħariġx biha hu.

17:15: Fuq Neville Gafa, jgħid li kien jaħdem Kastilja, iżda ma jafx x’inhi l-kariga tiegħu.

Jgħid li qatt ma ra lil yorgen fenech f’Kastilja, la fil-lift u lanqas imkien.

Fuq il-Panama Papers Caruana jsostni li hu ma kienx ikollu x’jaqsam ħlief jekk issir xi PQ dwar dan. Comodini Cachia issaqsi jekk kienx jaħdem ma’ Glenn Bedingfield. Caruana jgħid li hu ħa propju post Bedingfield.

17:18: Dwar it-traffikar tal-fjuwil, Comodini Cachia issaqsi x’kien l-iskop tar-retweets. Caruana jgħid li hu jagħmel retweets regolarment.

17:23: Caruana ntalab jindika jekk ħassux komdu jippostja l-affarijiet li hemm fid-dossier waqt li kien impjegat u jitħallas mill-Gvern. Mitlub jgħid jekk qattx kien hemm xi ħadd fuqu li qallu biex ma jiktibx ċertu affarijiet. Caruana qal li dejjem qagħad attent li jżomm mal-parametri tal-liġi tal-istampa.

Dwar post partikolari, huwa kien irtiraha u talab skuża.

17:27: Caruana spjega li fl-2014 huwa kien kixef il-Finance Shadow Group ta’ Tonio Fenech kompost minn individwi pubbliċi u li kien jiltaqa’ fid-Dar Ċentrali. Membru ta’ dan il-grupp kien hemm fost oħrajn Ivan Camilleri li kien jingħata stejjer twisted intiżi biex jagħtu gambetti. Dawn kienu jsiru bl-Ingliż sabiex jinqabdu anke minn istituzzjonijet Ewropej.

17:28: Dr Jason Azzopardi jsaqsi dwar il-preżenza tax-xhud fi programm fuq TVM nhar l-1 ta’ Ġunju. Azzopardi jallega li dakinhar ix-xhud kien qed jikkwota minn rapport tal-FIAU. Huwa jsaqsi minn fejn ġab id-dokument.

Caruana jgħid li dak ġie mis-sorsi tiegħu.

17:30: Azzopardi jsaqsi wkoll jekk ix-xhud ikkomunikax dwar xogħol tal-Gvern mal-PM jew ma’ xi ħadd ieħor b’email privat u jekk irċiviex risposta minn email privat. Il-bord isaqsi x’relevanza din għandha.

Azzopardi jitlifha u f’dagħdiegħa jgħajjat li min għandu x’jaħbi juża email privat.

17:33: Dr Charlon Gouder, f’isem ix-xhud joġġezzjona formalment għal din id-domanda għax jgħid li din m’ijiex rilevanti vis-a-vis it-termini ta’ riferenzi tal-inkjesta.

Il-bord ma jħallix li ssir din id-domanda.

Ix-xhieda ta’ Caruana tagħlaq hawn.

L-inkjesta tissokta nhar l-Erbgħa fis-2pm, b’Neville Gafa jkun wieħed mix-xhieda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend