Mas-56,000 operazzjoni f’Mater Dei fl-2019 – One News

Notifiki

Mas-56,000 operazzjoni f’Mater Dei fl-2019

Matul is-sena li għaddiet fl-Isptar Mater Dei saru 56,181 operazzjoni u interventi mediċi. Imqabbel mas-sena ta’ qabel, l-2018, din iċ-ċifra turi żieda ta’ 751 u hija medja ta’ 154 operazzjoni/intervent kull ġurnata filwaqt li pparagunat man-numru ta’ operazzjonijiet li saru fis-sena 2013 din iċ-ċifra turi żieda ta’ ftit inqas minn 9,000. Matul is-sena 2013 kienu saru 47,274 operazzjoni u interventi.

Jirriżulta li 46,448 operazzjoni/interventi u li jammontaw għal 83% tal-operazzjonijiet/interventi kollha li saru matul is-sena li għaddiet kienu skedati, filwaqt li l-bqija, 9,733 (17%) kienu ta’ emerġenza.

F’kummenti lil din il-gazzetta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li “r-riżultati huma dovuti għal diversi fatturi, fosthom użu aħjar mit-teatri tal-operazzjonijiet fejn jirrigwarda ħinijiet u ġranet, inklużi l-Ħdud. Għandu jingħad ukoll kemm sar investiment, investiment
qawwi, fl-apparat teknoloġiku u robotiku, investiment uman u fil-mediċini u s-servizzi mediċi li noffru. U hekk se jibqa’ jsir.

“Madanakollu, jibqa’ l-fattur importantissimu tal-element uman. Inutli li jkollok apparat teknoloġiku mill-aqwa u kull xorta ta’ mediċini jekk ma jkollokx min iħaddimhom u min jamministrahom. Grazzi għal dawk kollha involuti f’ħidma daqstant kbira fl-Isptar Mater Dei, f’kull livell tagħha, illum ninsabu kburin li s-servizz mediku tagħna jikkwalifika mal-aqwa għaxra fid-dinja,” stqarr Dr Fearne.

Ta’ min jinnota li l-għadd ta’ operazzjonijiet/interventi mediċi fl-Isptar Mater Dei m’għandux jittieħed waħdu biss, imma bħala parti minn stampa sħiħa. B’riżultat ta’ investimenti kbar li saru, illum fiċ-Ċentri tas-Saħħa jsiru wkoll operazzjonijiet u interventi mediċi li qabel kienu jsiru kollha fI-Isptar Mater Dei.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend