Karti foloz tal-€20 u €50 l-aktar fiċ-ċirkolazzjoni – One News

Notifiki

Karti foloz tal-€20 u €50 l-aktar fiċ-ċirkolazzjoni

Fit-tieni nofs tal-2019 inqabdu 545 karta tal-flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni lokali li kienu qed jippruvaw jirrappreżentaw mal-€20,000 ta’ flus reali, skont tagħrif li ta l-Bank Ċentrali fir-rapport tiegħu ta’ kull sitt xhur dwar falsifikar ta’ karti tal-ewro f’Malta. L-ammont kien inqas minn dak li ġie rrapportat lill-Bank Ċentrali fl-ewwel nofs tal-2019, li laħħaq għal 844 karta falza għal total ta’ 1,389 karta tal-ewro falza f’sena sħiħa.

Mit-tagħrif li ħareġ il-Bank Ċentrali, l-aktar karti foloz li qarrqu jew ipprovaw iqarrqu bin-nies fit-tieni nofs tal-2019 kienu dawk tal-€20 u l-€50, li flimkien ammontaw għal 406 karta falza jew kważi tlieta minn kull erbgħa li nqabdu. Il-“valuti” tagħhom jissimbolizzaw aktar minn €13,000. Minkejja dan, il-Bank Ċentrali insista li meta l-ammont ta’ karti foloz jitqabbel mal-ewro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni f’pajjiżna – medja €12.8 miljun – il-persentaġġ ta’ dawk tal-ewwel hu u għadu insinifikanti.

Hu baxx ukoll (0.18%) bħala proporzjon tal-ammont totali tal-karti tal-flus foloz maqbuda fiż-Żona Ewro kollha kemm hi matul l-istess perjodu.

Minkejja dan, f’pajjiżna jirriżulta li kien hawn iżjed karti tal-ewro foloz f’valuta żgħira milli fiż-Żona Ewro. Bħala persentaġġi tal-karti foloz kollha kkonfiskati, dawk tal-€5, €10 u €20 foloz huma aktar komuni f’Malta milli fil-bqija tal-pajjiżi li jħaddnu l-valuta legali komuni. Minkejja l-livell baxx ta’ flus foloz irrapportat lokalment, il-Bank Ċentrali ta’ Malta jibqa’ jwissi lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti hekk kif fix-xhur li għaddew kien hemm żieda fin-numru ta’ karti ta’ flus foloz ta’ kwalità baxxa rtirati miċ-ċirkolazzjoni. Kollha huma faċli ħafna li jiġu identifikati għaliex għandhom imitazzjonijiet tal-karatteristiċi tas-sigurtà ferm inadegwati.

Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment permezz tat-test “FEEL LOOK TILT” kif spjegat fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-paġna www. centralbankmalta.org/mt/euro banknotes counterfeit notes. Il-Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta’ għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista’ teħtieġ din l-assistenza.

Kull min jirċievi karta tal-flus suspettuża għandu jċempel lill-Pulizija fuq 2294 2120, lill-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq 2550 6012/13 jew jibgħat email lillBank fuq [email protected]

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend