“Infakkru l-passat iżda nħejju dan il-moviment għall-futur” – Il-PM – One News

Notifiki

“Infakkru l-passat iżda nħejju dan il-moviment għall-futur” – Il-PM


“Infakkru l-passat iżda nħejju dan il-moviment għall-futur”

Dan kien il-messaġġ ewlieni fid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-ewwel diskors tiegħu waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja li mmarkat il-bidu ta’ proċess li fih il-Partit Laburista se jkompli jiġġedded f’sena li fiha qed jiċċelebra l-mitt sena mit-twaqqif tiegħu.

Quddiem sala mballata bin-nies, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-Prim Ministru fakkar fil-kisbiet li kiseb il-Partit Laburista għal dan il-pajjiż tul l-istorja.

Dr Abela fakkar li Gvern Laburista daħħal il-paga minima nazzjonali, l-għajnuna soċjali għall-qgħad, u ċ-childrens’ allowance: “Illum aħna pajjiż tal-A+, ekonomikament aħna A+. Ħloqna klima ta’ fiduċja fil-pajjiż li ssarfet f’investiment lokali u barrani bla preċedent.”

Il-Prim Ministru saħaq fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali: “Issa qed inkomplu nsaħħu dan il-Partit biex ikun jista’ jgħin lil min hu l-iktar fil-bżonn fosthom liż-żgħir u lill-batut.”

Il-Mexxej Laburista qal li filwaqt li dan il-Partit ser jibqa’ wieħed miftuħ, assigura li l-kontabbiltà u l-governanza t-tajba se jibqgħu prijorità. Dr  Abela sostna: “Hemm żbalji u ċertu linji li ma jinqabżux u jekk jinqabżu ċerti linji kulħadd jaf x’se jkunu l-konsegwenzi. Dik hija t-tmexxija li tiżgura li dak li ġara ma jerġax jirrepeti ruħu ħalli nibqgħu mexjin ‘il quddiem.”

Dwar l-iżviluppi fl-allegat każ ta’ abbuż mill-extra duty fit-Taqsima tal-Pulizija tat-traffiku, il-Prim Ministru kien ċar. Hu stqarr: “Diżappuntat fost oħrajn bl-allegazzjonijiet li smajna fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar sigħat. Dan hu Gvern li ma se jkollu ebda tolleranza għal dan it-tip ta’ aġir.”

Minkejja li fl-aħħar snin Gvern Laburista rnexxielu jnaqqas il-faqar u l-qgħad f’pajjiżna, il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern se jaħdem biex jikseb iżjed.

Il-Prim Ministru tenna: “Li lit-tfal tagħna il-ġenerazzjoni li ġejja permezz tal-edukazzjoni ntuhom l-għodda kollha biex jikbru f’żgħażagħ u adulti ta’ suċċess.”

Dr Abela saħaq ukoll kif dan huwa Gvern li jwarrab għal kollox id-diskriminazzjoni u tenna favur ħlas indaqs għall-istess xogħol.

Dr Abela tkellem fuq l-ambjent u semma l-implimentazzjoni ta’ proġetti bħal dak li ser inaqqas 90% tat-tniġġis fl-arja mill-vapuri li jżuru l-Port il-Kbir.

Filwaqt li se tingħata importanza sħiħa lis-sostenibbiltá f’pajjiżna, il-Prim Ministru Abela wassal viżjoni ta’ moviment li jrid jibqa’ miexi fit-triq ta’ suċċessi għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-Prim Ministru appella: “Ejjew ħa nibqgħu mexjin il-quddiem flimkien għal aktar ħidma.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend