Il-Gvern impenjat li jwettaq aktar miżurita’ fejda għall-pensjonanti – One News

Notifiki

Il-Gvern impenjat li jwettaq aktar miżurita’ fejda għall-pensjonanti

Wara nixfa ta’ kwart ta’ seklu li fih il-pensjonanti u l-anzjani kienu prattikament minsijin, it-titjib fil-pensjonijiet u flgħajnuniet lill-anzjani kienu fil-qofol tal-programm qawwi soċjali li tnieda s’issa mill-amministrazzjoni Laburista.

L-ispinta, li ngħatat f’pensjonijiet u benefiċċji maħsubin għall-anzjani, toħrog l-aktar meta wieħed iqabbel l-ispiża stmata għal din is-sena man-nefqa attwali fl-2013. Fil-fatt, in-nefqa għall-2020 mistennija tlaħħaq aktar minn €900 miljun – qabża enormi ta’ madwar €264 miljun fuq dik tal-2013. Kważi 90% ta’ din iż-żieda tirrappreżenta żieda finnefqa fuq il-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol u l-invalidità u fuq dik tal-età. Mitlub jikkummenta dwar dan, il-Ministru responsabbli Dr Michael Falzon qalilna li l-bosta miżuri li ddaħħlu fl-aħħar snin se jkunu qed jagħtu aktar lill-pensjonanti minn dak imwiegħed fil-manifest elettorali, fosthom iż-żieda addizzjonali ta’ €8 fil-ġimgħa li kważi diġà ngħatat kollha.

Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq aktar miżuri ta’ fejda għallpensjonanti kemm f’din il-leġiżlatura kif ukoll f’dawk li ġejjin. Minn tweġiba li ta din il-ġimgħa għall-Mistoqsija Parlamentari, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali ħareġ aktar fid-dieher l-ispinta qawwija f’dawn l-aħħar snin li l-Gvern ta fis-settur tal-pensjonijiet u tal-benefiċċji favur l-anzjani.

Il-mistoqsija saret mid-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, li xtaq ikun jaf x’kienu ż-żidiet fil-pensjoni fil-baġits għall-2015, l-2016, l-2017 u l-2018.

Il-Ministru ħataf l-okkażjoni biex mhux biss isemmi sempliċement iż-żidiet li ngħataw, iżda wkoll elabora dwar il-miżuri u l-inizjattivi li twettqu tul dawn is-snin. Eżerċizzju li għamlet il-gazzetta Kullħadd fl-aħħar jiem u informazzjoni li ksibna, juru li kif mistenni din ir-rankatura fil-ħidma tal-Gvern kompliet is-sena l-oħra u qed tissokta wkoll din is-sena li għadna kemm bdejna.

Għaldaqstant, kompliet fejn kellu jieqaf il-Ministru fit-tweġiba Parlamentari tiegħu, għax hekk kien mitlub minnu, biex b’hekk tkun ingħatat ħarsa sħiħa lejn l-miżuri ta’ fejda f’dan l-ambitù li qed jitwettqu sal-lum minn Gvern Laburista. Hawn hu t-tibdil ewlieni kollu li seħħ b’risq il-pensjonanti fis-snin indikati:

2015:

Il-pensjonijiet żdiedu b’€0.58 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk ingħataw €35 addizzjonali ta’ darba.

Fl-istess sena tneħħew l-anomaliji li kienu nħolqu fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ eluf ta’ ħaddiema tat-Tarzna, billi l-pensjoni tagħhom tpoġġiet fuq l-istess binarji fl-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern, għax l-azjenda li kienu jaħdmu magħha kienet spiċċat, jew il-post tax-xogħol li kienu jokkupaw ma baqax jeżisti. Il-pensjoni wara 25 sena servizz ġiet estiża għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Ħaddiema b’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nieqsa ngħataw l-opportunità li jkunu jistgħu jħallsu sa ħames snin kontribuzzjonijiet neqsin, li mhux neċessarjament ikunu l-aħħar ħames snin ta’ qabel issir it-talba, biex itejbu l-pensjoni tagħhom.

Għal persuni oħrajn b’età bejn it-62 u l-74 sena, speċjalment nisa rtirati li fl-imgħoddi qattgħu ħafna snin barra mill-impjieg u li m’għandhomx pensjoni, bdew jirċievu bonus ta’ €200 jekk ikunu ħallsu aktar minn ħames snin f’kontribuzzjonijiet u €100 jekk ħallsu inqas bolol.

2016:

Il-pensjonijiet f’din is-sena żdiedu b’€1.75 għall-għoli talħajja. Minbarra hekk, il-pensjoni minima nazzjonali żdiedet għal €140 fil-ġimgħa, li kienet tfisser żieda medja ta’ aktar minn €8 fil-ġimgħa. Għal dawk li kellhom kontribuzzjonijiet imnaqqsin ħadu ż-żieda pro-rata.

Ingħatat żieda wkoll ta’ €4.15 fil-ġimgħa, inkluż il-ħlas għall-għoli tal-ħajja, lill-persuni fuq il-pensjoni minima tal-miżżewġin.

Romol li kienu jaħdmu u kellhom dritt għall-pensjoni tal-irtirar, li iżda tilfuha meta romlu għax bdew jieħdu l-pensjoni tar-romol, bdew jirċievu l-pensjoni sħiħa tal-konjugi tagħhom u mhux aktar 5/6 kif kien qed jiġri sa dik is-sena.

F’din is-sena ġew irdoppjati l-krediti tal-bolla tas-sigurtà soċjali għall-ġenituri li kellhom jieqfu għal xi snin mix-xogħol biex irabbu lil uliedhom u għall-ewwel darba ddaħħlu l-krediti għal dawk il-persuni li jibqgħu barra mid-dinja tax-xogħol biex ikomplu l-istudji u t-taħriġ tagħhom.

Biex ħaddiema jiġu inċentivati volontarjament jibqgħu fid-dinja tax-xogħol meta jaslu fl-età tal-irtirar tnediet skema li permezz tagħha jekk ma japplikawx għall-pensjoni meta jkollhom dritt għaliha, għal kull sena jingħataw żieda perċentwali fil-pensjoni.

2017:

Il-pensjonijiet żdiedu b’€1.75 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja. Minbarra hekk, pensjonanti u anzjani miżżewġin b’pensjoni minima ħadu żieda oħra ta’ €4 fil-ġimgħa. Mill-istess żieda gawdew ukoll pensjonanti miżżewġin li jirċievu l-Pensjoni tal-Età.

Bdiet isseħħ riforma fuq medda ta’ sentejn biex pensjonanti ta’ ’l fuq minn 61 sena ma jibqgħux iħallsu taxxa tad-dħul (income tax) fuq il-pensjoni tagħhom.

Saret ukoll riforma fl-allowance supplimentari li minnha gawdew eluf ta’ pensjonati bi dħul inqas minn €13,000 fis-sena. Fid-dawl tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru ġew riveduti l-pensjonijiet tan-nisa. F’dan il-każ iż-żidiet fil-pensjoni kienu jlaħħqu sa madwar €20 fil-ġimgħa.

Beda eżerċizzju biex jiġu riveduti pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol biex jidħlu f’sintonija ma’ titjib li jkun iseħħ fil-pagi permezz ta’ reviżjoni ta’ ftehim kollettiv għall-impjegati fis-servizz pubbliku, fis-settur pubbliku u fis-settur privat.

Dan beda jsir skont kif titlob il-Liġi tas-Sigurtà Soċjali, iżda li kien ilu wieqaf għal bosta snin minħabba nuqqas ta’ riżorsi u finanzjament.

Bis-saħħa ta’ dan l-eżerċizzju, li għadu għaddej, eluf ta’ persuni kellhom titjib konsiderevoli fil-pensjoni tagħhom u tħallsu miljuni ta’ ewro f’arretrati.

Il-bonus li jingħata kull sena lil persuni, l-aktar nisa miżżewġin, li ma kellhomx kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biżżejjed biex jikkwalifikaw għall-pensjoni żdied b’€50.

2018:

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja fil-pensjonijiet għal din is-sena kienet ta’ €1.75 fil-ġimgħa. Flimkien ma’ din iż-żieda l-pensjonanti kollha, kemm dawk li jieħdu l-pensjoni kontributorja u dik mhux kontributorja, bdew jitħallsu €2 oħra fil-ġimgħa.

Bdiet issir stima mill-ġdid tal-pensjoni f’każi fejn pensjonanti jibqgħu jaħdmu wara li jilħqu l-età tal-irtirar u jibqgħu jħallsu l-bolla sakemm jagħlqu 65 sena. Din l-istima tieħu inkonsiderazzjoni l-bolol li jkunu tħallsu wara l-età tal-pensjoni.

Kompliet ir-riforma mibdija fl-2017 favur ħelsien fuq it-taxxa fuq il-pensjonijiet. Minbarra hekk il-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet li mhux intaxxat għola għal €13,200.

2019:

Għar-raba’ sena wara l-oħra l-pensjonijiet reġgħu żdiedu, din id-darba b’€2.17 fil-ġimgħa għall-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali. Din iż-żieda kienet barra dik mogħtija għall-għoli tal-ħajja, biex b’hekk kull pensjonant/a ħadu żieda ta’ €4.50 fil-ġimgħa.

Iż-żieda fil-pensjonijiet, inkluż dik tal-għoli tal-ħajja, kienet eżentata mit-taxxa għax il-massimu tad-dħul minn pensjonijiet, li mhux intaxxat, ġie rivedut u tela’ għal €13,434.

Ma’ dan u skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali, tjiebu l-pensjonijiet tas-servizz biex minflok kif dejjem sar li jiġi injorat nofs l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jkun ġie kkommutat, bdiet tiġi injorata 75% tal-ammont ikkommutat.

Din il-miżura tapplika għal pensjonanti tas-servizz li jilħqu l-età ta’ 72 sena. Minn din il-miżura gawdew 4,700 pensjonant, li minbarra arretrati, fil-maġġoranza tagħhom ħadu żieda medja ta’ madwar €12 fil-ġimgħa.

Filwaqt li mill-ġdid tħallset l-għotja ta’ €300 lil dawk li għalqu l-75 sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom, ingħatat żieda ta’ €50 fil-bonus li jingħata lil dawk il-persuni, l-aktar nisa, li ma ħallsux biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għall-pensjoni minima. Il-bonus laħaq is-somma ta’ €200 għal dawk li ħallsu inqas minn ħames snin bolol u ta’ €300 għal dawk li ħallsu aktar minn ħames snin kontribuzzjonijiet. Impjegati fis-Settur Pubbliku ngħataw id-dritt, bħall-ħaddiema fil-privat, li jibqgħu jaħdmu minflok jirtiraw bil-pensjoni u b’hekk tiżdidilhom il-pensjoni tagħhom meta jagħlqu l-età 65 sena sa massimu ta’ 23%. Aktar minn hekk tneħħiet ukoll diskriminazzjoni li kienet tolqot ħaddiema impjegati f’entità fejn il-Gvern kien is-sid jew kellu l-maġġoranza tal-ishma u li kien aċċettaw li jibbenefikaw minn skema ta’ rtirar kmieni qabel l-1 ta’ Jannar 2008.

Dawn il-ħaddiema saru eliġibbli għall-istess kriterji bħall-ħaddiema li wkoll ibbenefikaw minn skemi simili wara Jannar tal-2008 u għalhekk setgħu jgawdu minn titjib fil-pensjoni tagħhom. Pensjonanti li ħadmu fil-Libja u li ġew affettwati ħażin intortament fil-pensjoni tagħhom minħabba nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ngħataw l-opportunità li, jekk jippreżentaw provi tal-kontribuzzjonijiet li kienu ħallsu fil-Libja, dawn jiġu kkonvertiti f’kontribuzzjonijiet Maltin skont is-sistema l-antika. Jekk ma jkollhomx provi x’juru ngħataw l-opportunità li jħallsu sa massimu ta’ 10 snin kontribuzzjonijiet nieqsa skont ir-rati kurrenti.

2020:

Għal darb’oħra żdiedu l-pensjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali. Pensjonanti tal-irtirar, romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni ta’ l-età ħadu żieda ta’ €3.51 fil-ġimgħa li b’kollox, flimkien maż-żieda għall-għoli tal-ħajja, laħqet is-€7 fil-ġimgħa.

Fid-dawl ta’ dawn iż-żidiet, reġa’ għola l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet li ma jkunx intaxxat. Dan tela’ għal €13,798. Għall-koppji b’pensjoni waħda d-dħul eżentat mittaxxa żdied b’€1,000 oħra għal €2,000 addizzjonali.

Pensjonanti romol, li għandhom tfal taħt l-età ta’ 18–il sena u li jaħdmu, ingħataw żieda ta’ €5.46 fil-ġimgħa li jingħataw għal kull wild. Daħlet miżura li tolqot persuni li wara li rtiraw mill-forzi dixxiplinati bdew jaħdmu xi mkien ieħor. B’tibdil li sar meta jilħqu l-età tal-irtirar u ssir l-evalwazzjoni tal-pensjoni kontributorja għall-irtirar, jekk ikun jaqblilhom, se jitqiesu wkoll is-snin meta kienu għadhom fis-servizz qabel irtiraw minnu biex ikun ikkalkulat id-dħul pensjonabbli tagħhom.

Ġiet fis-seħħ miżura li tolqot impjegati fis-servizz jew fis-settur pubbliku li, minkejja li kellhom biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex jirtiraw fl-età ta’ 61 sena jew laħqu l-età tal-irtirar bejn l-2016 u l-2018, għażlu li jkomplu fl-impjieg tagħhom mingħajr ma ħadu l-pensjoni għal mill-inqas sena. B’din il-miżura dawn l-impjegati ma tilfux iż-żidiet perċentwali li akkumulaw f’dawn is-snin, għax ir-rata tal-pensjoni tagħhom ġiet aġġustata biex tkun tirrifletti ż-żidiet akkumulati.

Anzjani ta’ 75 sena jew aktar, li jgħixu fi djarhom jew mal-qraba, mill-ġdid ingħataw l-għotja ta’ €300. Għal dawk li laħqu l-età ta’ 80 sena u aktar din is-somma żdiedet b’€50. Għall-ewwel darba din l-għotja ngħatat lil persuni anzjani li minn buthom iħallsu biex jgħixu fi djar residenzjali għall-anzjani. Dawk li għalqu t-80 sena l-għotja tagħhom kienet ukoll ta’ €350. Mill-ġdid sar il-ħlas ta’ bonus – li jvarja minn €200 sa €300 – lil dawk il-persuni li ma ħallsux biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għall-pensjoni minima.

Iżda minn din is-sena meta jagħlqu l-75 sena dawn il-persuni baqgħu jirċievu dan il-bonus flimkien mal-għotja għall-anzjani. Sar aktar titjib fl-għajnuna supplimentari li titħallas lill-persuni, l-aktar anzjani, li għandhom dħul baxx. Dan sar billi l-allowance addizzjonali li titħallas kull sena mal-għajnuna supplimentari lill-persuni ta’ 65 sena u iżjed li jkunu f’riskju ta’ faqar żdiedet b’€50 għal €150 fis-sena. Minbarra hekk, anzjani se jibbenefikaw ukoll mill-bonus addizzjonali mogħti għal sena waħda, li se jingħata lill-familji kollha biex jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet li kien hemm f’ċerti prodotti. Familja b’persuna waħda se tieħu bonus ta’ €15 u familja b’iżjed minn persuna waħda se titħallas €35.

Ħlasijiet oħrajn:

F’dawn is-snin, il-pensjonanti tas-servizz kellhom żidiet fl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali.

Sa din is-sena s-somma eżentata laħqet €2,666. Wieħed ma jridx jinsa wkoll l-għotjiet li tħallsu u li se jkomplu jitħallsu din is-sena dawk il-pensjonanti li kienu fil-korpi tax-xogħol qabel l-1979, li kienu jaħdmu x-Xatt u fil-Korp tal-Pulizija. Dan qed isir bi tpattija għal dak li tilfu minħabba anomaliji tal-imgħoddi. F’dawn l-aħħar tliet snin dawn il-pensjonanti (jew jekk ġew neqsin il-werrieta tagħhom) b’kollox tħallsu madwar €34 miljun. Fil-baġit għal din is-sena tħabbar li dawk eliġibbli se jitħallsu mill-ġdid.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend