Il-firda fil-PN hija l-akbar tħassib tat-tesserati – One News

Notifiki

Il-firda fil-PN hija l-akbar tħassib tat-tesserati


Il-gwerra fil-miftuħ bejn diversi fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista mhux biss biegħdet lill-elettorat Malti mill-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia iżda ddistabilizzat ukoll il-membri fi ħdan l-istess Partit.

Dan joħroġ minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta Malta Today fost mijiet ta’ tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista reġa’ fi kriżi politika wara li għadd ta’ deputati mill-fazzjoni tal-ex Kap Simon Busuttil ħarġet titlob għar-riżenja tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Dan wara stħarriġ tal-fehma pubblika li wera li Delia jgawdi biss 13% tal-fiduċja tal-elettorat Malti.

Kien id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li reġa’ tefa’ l-ħatab fuq in-nar meta għal darb’oħra reġa’ mar fuq Facebook u akkuża lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia b’qerq u ingann. L-ewwel li ngħaqdu miegħu kienu d-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, Claudio Grech u ż-żewġ Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola li fil-miftuħ sejħu għar-riżenja tal-Kap. Sejħa li sabet reżistenza kbira minn Delia li bħal-lum tmint ijiem wisshom biex jiġbdu l-istess linja tal-partit jew idabbru rashom.

Din il-gwerra fil-miftuħ għall-poter fil-Partit Nazzjonalista kienet riflessa wkoll fl-istħarriġ tal-maltatoday li wera li aktar minn 46% tat-tesserati huma mħassba bil-firda interna fil-Partit Nazzjonalista. Aktar minn 17% tat-tesserati wieġbu li jinsabu mħassba bil-grupp parlamentari Nazzjonalista.

Dan l-istħarriġ wassal ukoll għar-reazzjoni mill-fazzjoni Busuttil bl-Ex Kandidat Nazzjonalista Wayne Hewitt qal li se jikteb lill-Kummissarju tad-Dejta biex jinvesitga kif il-fazzjoni ta’ Delia tat il-lista tat-tesserati lill-Malta Today mingħajr il-permess tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend