Il-fakultà tal-edukazzjoni fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Istitut Kulturali Taljan u Edilingua edizione llum tellgħet seminar għall-għalliema tat-Taljan f’Malta. Dawn jittellgħu kull sentejn bil-għan li l-għalliema jiżviluppaw aktar ħiliet li jistgħu jgħaddu lill-istudenti.
It-taħriġ filfatt jiġi offrut lill-għalliema fl-iskejjel sekondarji, post-sekondarji u anke dawk tat-tagħlim tul il-ħajja. Dan grazzi wkoll għal fondi mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Taljan.
Preżenti għall-workshop tas-Sibt, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici tenna li dan it-tip ta’ taħriġ itejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni f’pajjiżna b’mod partiklari fit-tagħlim tat-Taljan. Il-Ministru Bonnici qal ukoll li l-edukaturi għandu jkollhom l-għodda meħtieġa għal tagħlim varjat li jħeġġeġ id-divertiment fil-klassijiet, fosthom bl-użu tat-teknoloġija waqt il-lezzjoni.
Il-Ministru temm jgħid li l-parteċipazzjoni attiva u attitudni pożittiva huma ċ-ċavetta tas-suċċess fl-edukazzjoni.