Minn din il-ġimgħa se jinbeda’ proġett pilota fejn ħames latrini pubbliċi f’żoni turistiċi se jinbidlu sabiex joperaw u jitnaddfu b’mod awtomatiku. Ħabbret dan il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt żjara fid-dipartiment tat-tindif u l-manutenzjoni.
“Bażikament ħa jidentifika ħames żoni turistiċi f’pajjiżna u l-latrina pubblika tradizzjonali f’pajjiżna se tkun mibdula għal waħda bl-aħjar teknoloġija u allura jkollha mekkaniżmu li ma’ kull għaxar persuni li jagħmlu użu mis-servizz ċerta ħasil u tindif isir b’mod awtomatiku. Irridu nnadfu iva dan il-pajjiż, imma rridu wkoll nagħtu l-aħjar lit-turisti f’pajjiżna,” sostniet il-Ministru.
Qalet permezz ta’ dan pajjiżna se jkompli jieħu dehra iktar nadifa speċjalment mat-tliet miljun turist li jżiru pajjiżna kull sena. Spjegat li huwa mistenni li dan il-proġett jkun implimentat sal-aħħar tas-sena. Tul iż-żjara hija ntaqgħet mad-diversi taqsimiet fi ħdan id-dipartiment li huma responsabbli miż-żamma tal-indafa fil-gżejjer Maltin. Hija faħħret il-ħidma tal-madwar sitt mitt impjegat u qalet li dan id-dipartiment se jkompli jsib l-appoġġ tal-Gvern. Qalet ukoll li pajjiżna għandu bżonn iktar infurzar sabiex tingħeleb il-problema tal-ħmieġ f’pajjiżna u tiddaħħal kultura ta’ indafa.
Minn-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Deo Debattista semma kif f’pajjiż b’ekonomija, popolazzjoni u settur turistiku li dejjem qegħdin jikbru, il-bżonn ta’ pajjiż nadif dejjem qed jikber.
Qal li għal dan il-għan il-Gvern diġa investa u se jkompli jinvesti f’makkinarju tat-tindif.
“Il-ħidma tagħna mhux se tieqaf hawn ħa nkomplu ninvestu f’makkinarju, il-Ministru tkelmet li ħa nagħmlu automated toilets, importanti għax jirrikjedu anke l-image tal-pajjiż, ma nistgħux issa xi ħaġa li qed tintuża iktar frekwenti titnaddaf darba biss kuljum,” qal Dr Debattista.