Nippromwovu l-qari u l-kitba permezz tal-futbol bil-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’ – One News

Notifiki

Nippromwovu l-qari u l-kitba permezz tal-futbol bil-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’


Madwar 70 student minn seba’ skejjel primarji differenti minn madwar Malta u Għawdex ħadu sehem fit-tielet edizzjoni ta’ din is-sena ta’ “Bil-Qari u l-Kitba Niskorja.”

Programm mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni li l-għan tiegħu huwa li jxettel l-imħabba għall-qari u l-kitba permezz tal-futbol.

F’ġurnata mill-isbaħ fuq il-ħaxix li fuqu jittrenja t-tim nazzjonali Malti, it-tfal lagħbu l-logħba tal-ballun sabiex jimmarkaw tmiem din l-edizzjoni.

ONE News tkellem ma’ wħud minn dawn l-istudenti hekk kif qalulna kif permezz ta’ dan il-programm tgħallmu jaqraw iktar u jilgħabu bħala tim. Huma qalulna:

  • “Ħadt pjaċir nilgħab mal-ħbieb, inkun naf kif nilagħbu futbol, nagħżel ktieb li huwa tajjeb għaliha u tgħallimt lil mhux bilfors trid tirbaħ fil-logħba tal-futbol.”
  • “Li għandna naqraw u għandna naħdmu bħala tim.”
  • “Ħadt gost għax dejjem nistgħu naqraw mal-ħbieb u nagħti esperjenza lill-ħbieb u lit-tfal l-oħrajn u nħeġġiġhom biex jibqgħu jaqraw.
  • “Ħadt gost nilgħab ma’ sħabi u mas-Sir Gilbert u ħadt gost ukoll naqra ma’ Miss Marija.”

Ma naqasx li jagħti ħsibijiet interessanti, il-goaler Saviour Darmanin, li flimkien ma’ Gilbert Agius u Carmel Busuttil magħruf aħjar bħala l-Bużu qed imexxu dan il-programm u jgħinu studenti mhux biss fil-grawnd iżda anke fil-litteriżmu.

Huwa stqarr: “S’issa minn dak li rajna mill-istatistika, it-tfal kollha tjiebu u żdiedu wkoll anke fil-livell tal-qari tagħhom jiġifieri dik hija xi ħaġa importanti għax ifisser li qed jaqraw.”

Darmanin stqarr li hawn għatx għal dawn it-tip ta’ programmi. Huwa tenna: “Issa jidher li hemm rispons tajjeb ukoll għax fil-fatt issa fħandna 9 skejjel li ħa jibda f’dan iċ-ċiklu, iċ-ċiklu seba’ li issa nibdew biex induru fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.”

F’konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, tqassmu ċ-ċertifikati, kotba u blalen lil dawk kollha li pparteċipaw f’dan il-programm.

Il-Ministru Bonnici saħaq fuq metodi ta’ tagħlim interattiv u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima nnota d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti biex it-tfal jiżviluppaw f’ċittadini denji ta’ dan il-pajjiż.

Ritratti: DOI, MEDE

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend