L-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi ddikjara li ħadd qatt ma avviċinah u ħadd qatt ma kellmu dwar iż-żewġ talbiet għall-ħelsien mill-arrest li saru mill-awħa Alfred u George Degiorgio li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-fatt huwa semma li dawn iż-żewġ talbiet ġew miċħuda fis-7 ta’ Awwissu tal-2018 u fit-2 ta’ Ottubru tal-istess sena.
Fi stqarrija ffirmata mill-Avukat Stephen Tonna Lowell, l-Imħallef Emeritu rrefera għal rapport fil-midja dwar recording ta’ konversazzjoni bejn is-suspettat mandant Yorgen Fenech u l-middleman Melvin Theuma.
Dr Mizzi qal li b’reazzjoni għal dawn ir-rapporti, għamel talba minn jeddu biex jagħmel dikjarazzjoni lill-uffiċjali prosekuturi fil-każ li l-Pulizija fetħet kontra Yorgen Fenech.
Qal li t-talba ntlaqgħet matulha ddikjara mal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra li huwa qatt ġie avviċinat biex l-aħwa Degiorgio jingaħtaw il-ħelsien mill-arrest.