“Bqajna nittamaw li ma kienx hu” – Il-kollegi ta’ Darren Borg – One News

Notifiki

“Bqajna nittamaw li ma kienx hu” – Il-kollegi ta’ Darren Borg


F’waħda mill-fabbriki tal-Playmobil f’Ħal Far tiddomina ħemda li ttarrax aktar mill-ħsejjes tal-inġenji li jitħaddmu mill-impjegati għal sigħat twal ta’ kuljum.

Dan fl-ewwel jum tax-xogħol wara l-mewt traġika ta’ Darren Borg, iż-żagħżugħ ta’ 29 sena li miet għall-għarrieda wara li waqa’ minn għoli waqt li kien qed jistad fl-Imtaħleb.

Fuq id-desk tiegħu li ħadem fuqu għal dawn l-aħħar 12-il sena, il-kollegi sħabu qiegħdu qalb bi fjuri bojod u ritratt ta’ Darren b’rispett għall-memorja tiegħu.

Crew ta’ ONE News tkellem ma’ Kevin Micallef li stqarr: “Għall-bidu ma ridtx nemmen. Ppruvajt nibqa’ pożittiv għidt forsi mhux hu, anki rogħda qabditni kif ikkonfermajna li kien hu, għax għadu żgħir, lanqas tistenniha, mar jieħu siegħa gost jipprattika l-hobby tiegħu, fejn tobsor.”

Kevin Micallef u Gilbert Gauci huma żewġ kollegi ta’ Darren li ilhom jaħdmu flimkien aktar minn għaxar snin.

Iddeskrivewh bħala bniedem sinċier, ċajtier u b’qalb kbira:

  • “Bniedem b’qalb kbira li meta tmur tkellmu dejjem b’daħka sinċiera.”
  • “Darren kien wieħed minn dawk li dejjem jiċċajta, dejjem jieħu l-ħajja kif tiġi.”
  • “Bniedem dedikat anki fuq xogħlu kien jistinka wkoll.”
  • “Diffiċli biex targumenta miegħu u jekk targumenta tiegħu għid li hu ħa jagħmel l-ewwel pass biex jerġa’ jsib il-paċi.”
  • “Konna qisna familja.”

Lil hinn mill-passatemp tas-sajd, Darren kien iħobb il-mużika u ż-żfin. Hekk qalulna l-kollei tiegħu:

  • “Meta kien jaqbad jiżfen trid iżżullu għax ma kienx jieqaf u kien iferraħ lil ta’ madwaru biż-żfin tiegħu wkoll.”
  • “Jekk ikun hemm xi DJ qed idoqq, li kien għalih jaħtaf id-deck u joqgħod dejjem idoqq hu.”

Il-memorji flimkien kienu ħafna, iżda hemm waħda partikolari li Gilbert se jibqa’ jgħożż. Huwa qal: “Memorji bilfors ikollok għax dan tarah kuljum iktar milli tara lill-familja tiegħek. Fost il-memorji sbieħ, is-sena li għaddiet organizzalna safra, sifirna kollha flimkien u kien hu li għamel is-safra tant sabiħa, kollox f’idejh kien.”

Sentimenti simili qassmuhom ħbieb u qraba, li fl-aħħar jiem imlew il-profil tiegħu fuq Facebook b’messaġġi ta’ diqa, ilkoll maħsuba u bla kliem li dan il-ġuvni fi fjur żgħożitu, ħalla din id-dinja kmieni wisq.

Ritratt: ONE News

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend