“L-inqas waħda li tista’ titkellem” – Nazzjonalisti lil Therese Comodini Cachia – One News

Notifiki

“L-inqas waħda li tista’ titkellem” – Nazzjonalisti lil Therese Comodini Cachia


Id-Deputat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil Therese Comodini Cachia ddikjarat li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia m’għandux kredibilità u rispett tan-nies.

Hija qalet dan fil-programm Xtra fuq l-istazzjon nazzjonali f’ġurnata li fiha l-qasma fil-Partit Nazzjonalista saret gwerra interna f’attentat ieħor sabiex il-fazzjoni Busuttil ittajjar lil Delia mit-tmun tal-partit.

Hija qalet: “Min qed iwassal il-messaġġ jibni dik ir-relazzjoni ta’ kredibilità u rispett.”

Sostniet li huwa inutli li l-partit jfassal il-politika tiegħu jekk Delia mhuwiex kapaċi jwassal il-messaġġ. Comodini Cachia tenniet: “Irid ikollok lil min kapaċi li jbiegħ dak ix-xogħol.”

Comodini Cachia, li tul il-jum kienet waħda minn diversi deputati tal-fazzjoni Busuttil li xxerjaw stqarrija miktuba mill-istess fazzjoni li tattakka lill-Kap Nazzjonalista, tenniet li b’Delia fit-tmun il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kredibbli.

Hija qalet: “Trid bilfors oppożizzjoni li għandha jew tista’ tibni relazzjoni ta’ kredibilità u rispett man-nies.”

Kompliet tgħid li t-triq ‘il quddiem hija li Adrian Delia jwarrab: “Dak li jrid jiġri huwa ċar. Aħna bħala oppożizzjoni rridu nieħdu deċiżjonijiet li huma iebsa.”

Intant tul il-jum tal-Ħamis partitarji Nazzjonalisti qrib il-fazzjoni ta’ Delia nfexxew jattakkaw lil Comodini Cachia.

Wara li xxerjat l-istqarrija tal-fazzjoni Busuttil fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, diversi partitarji qalu li hija l-inqas waħda li għandha titkellem. Semmew il-każ ta’ meta riedet tibqa’ Brussell minflok tieħu s-siġġu parlamentari li kisbet fl-aħħar elezzjoni.

Andre Muscat qalilha: “Int l-inqas waħda li għandek għalfejn tipponta subgħajk lejn persuna jew oħra, għax fl-2017 inti kont tippreferi li tkompli bil-ħidma tiegħek fl-Ewropa milli tonora l-fiduċja li l-poplu tat-8 distrett tak biex tirappreżentah fil-parlament Malti.”

Noel Tabone staqsieha: “Jekk nesietx li n-nies tellawha fil-Parlament Malti iżda minflok kienet ser tibqa’ fil-Parlament Ewropew. Staqsieha daqshekk tħobbu l-Partit?”

Roderick Sghendo staqsa lil Comodini Cachia b’min trid tidħaq u stedinha biex tmur tinħeba. Akkużaha b’nuqqas ta’ rispett lejn il-Partit u qal li fl-elezzjoni li jmiss in-nies mhux se tinsa x’għamlet.

Kitbilha: “Int li ma tistħix wara li kont komda Brussell, ħriġt għal-elezzjoni u ġejt eletta, imma wara ridt terġa tmur Brussell għax il-PN kien tilef l-elezzjoni.”

Partitarju ieħor akkużaha bi tradiment.

Min-naħa l-oħra l-eks kandidat Herman Farrugia, li kien irriżenja mill-Partit Nazzjonalista bi protesta għat-tmexxija ta’ Delia, ħareġ jiddefendi lil Comodini Cachia.

Qalilha li hija persuna ta’ integrità – iżda dlonk ġie affaċċjat bl-istess attakki mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend