Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia bagħtet ittra lid-deputati Nazzjonalisti u fiha akkużat lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li qarraq bihom.
Comodini Cachia ngħaqdet mad-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi, f’attakk fil-beraħ fil-konfront ta’ Delia.
Fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Comodini Cachia spiċċat f’barax ta’ kritika wara li ddeċidiet li tagħżel il-Parlament Ewropew fi Brussel flok lil Malta wara li ġiet eletta fil-Parlament Malti.
Wara li reġgħet lura mid-deċiżjoni tagħha, Comodini Cachia bdiet teħodha kontra Adrian Delia u qalet li taħtu tkissru l-kredenzjali u r-reputazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
L-aħħar attakk wasal f’ittra li bagħtet lid-deputati nazzjonalisti u li wrietha lil The Tiems. Hija qalet li Delia gideb meta ddikjara li jgawdi l-fiduċja tad-deputati Nazzjonalisti. Żiedet takkuzah li kien hu li ħoloq il-problemi fil-Partit Nazzjonalista. Qaltu li deċiżjoni waħda għad fadallu x’jieħu dik li jiddeċiedi kif għandu jitlaq minn kap tal-partit. Madankollu qalu għażel triq li ma teqridx lill-Partit Nazzjonalista.
L-ittra tagħha kienet segwita minn stqarrija li ħarġu d-deputati mill-fazzjoni tal-ex kap Simon Busuttil.
Wieħed wara l-ieħor bdew ittellgħu din l-istqarrija fuq il-profili tagħhom ta’ Facebook. Fost dawn Claudette Buttigieg u Claudio Grech.
F’din l-istqarrija komplew iżidu mal-pressjoni sabiex Delia jwarrab mit-tmun tal-partit.
Magħhom ingħaqdet ukoll l-ewroparlamentari nazzjonalista Roberta Metsola li fuq Facebook kitbet li se tagħti daqqa t’id biex Adrian Delia ma jibqax fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Qalet li bħalissa l-Partit Nazzjonalista għaddej minn terremot u xejn ma jista’ jibqa’ l-istess wara laqgħa tal-Erbgħa.