Għal darb’oħra, l-Oppożizzjoni wriet li m’għandha l-ebda rispett lejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, meta fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-lum waranofsinhar, għażlu li jinjoraw ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Il-każ jittratta diskussjoni mqajma mill-Oppożizzjoni dwar kuntratt li kien iffirmat bejn l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u d-Deputat Parlamentari Konrad Mizzi.
Il-membri tal-Oppożizzjoni insistew li jibqgħu għaddejjin bid-diskussjoni minkejja li n-naħa tal-Gvern, fis-seduta tal-bieraħ filgħaxija, talbet ruling mingħand l-Ispeaker dwar jekk il-kuntratt jaqax taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, billi tali kuntratt kien annullat mill-Awtorità u ma kien hemm ebda nfiq pubbliku.
Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jiskrutinja l-finanzi pubbliċi u l-Membri Parlamentari talbu ruling tal-Ispeaker billi fuq dan il-kuntratt ma kien hemm ebda nfiq pubbliku.
In-naħa tal-Gvern għamlitha ċara li ma għandha l-ebda oġġezzjoni li jkun diskuss dan il-kuntratt, jekk kemm-il darba tkun materja ta’ kompetenza tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, u għaldaqstant bħal dejjem, lesta li taċċetta kull deċiżjoni li jieħu l-Ispeaker fir-ruling tiegħu.