Serħan il-moħħ mhux għal PL jew PN imma għall-pajjiż kollu – PM – One News

Notifiki

Serħan il-moħħ mhux għal PL jew PN imma għall-pajjiż kollu – PM

Wara l-Maltemp jiġi l-bnazzi.”

Hekk beda d-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela f’Ħal Qormi hekk kif spjega li minn mumenti ta’ qtiegħ il-qalb fil-pajjiż issa reġġgħet qed tirrenja l-istabbiltá u l-għaqda.

Quddiem folla nies li attendew bi ħġarhom għad-diskors tal-Prim Ministru, Dr Abela qal li s-serħan il-moħħ ma’ daħalx għal Partit Laburista jew il-Partit Nazzjonalista imma daħal għall-pajjiż kollu. Dan frott ħidma li saret fl-aħħar jiem fejn fihom kellhom jitteħdu deċiżjonijiet iebsin imma fl-istess ħin fl-interess tal-pajjiż.

Pajjiż li huwa dixxiplinat imma ġust għal kulħadd għax joffri opportunitajiet għal kulħadd.”, qal il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-ewwel ħidma uffiċjali tiegħu barra minn xtutna u spjega li kellna reazzjonijiet mill-iktar inkoraġġanti.

Madankollu l-Prim Ministru Robert Abela esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, magħmula minn David Casa u Roberta Metsola, ma riditx tiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Partit Laburista waqt iż-żjara ta’ Dr Abela. Qal ukoll kif waqt id-diskussjonijiet li kellu waħdu magħhom il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti ma kellhom xejn ħlief negattiviżmu u lanqas ressqu proposta jew opinjoni waħda.

Dwar il-laqgħa tiegħu ma’ David Sassoli l-Prim Ministru qal li l-messaġġ mingħand il-President tal-Parlament Ewropew kien li qed jiġu nnutati l-bidliet li qed isiru fl-ewwel jiem ta’ dan il-Gvern.

Gvern li jemmen fl-onestá, l-integritá u l-governanza t-tajba.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma n-negozjati li kellu aktar kmieni din il-ġimgħa dwar il-Baġit Ewropew li jmiss. Il-Prim Ministru qal li dawn in-negozjati jridu jittieħdu fl-isfond ta’ sfidi ġodda ddominati fost oħrajn minn Brexit hekk kif b’hekk ser ikun hemm mas-€60 biljun inqas f’fondi li ser ikunu qed jitqassmu. Fondi li ser ikunu qed jintużaw sabiex fost oħrajn jintlaħqu l-miri ambjentali tagħna biex b’hekk l-ambjent vera jkun prijoritá għal dan il-Gvern.

Fost sfidi oħra semma wkoll l-immigrazzjoni. Sfida li tinħass minn ħafna madankollu waħda li ġġib magħha ħafna ħsieb. Dan hekk kif filwaqt li wieħed ma jistax jipperikola l-ħajja ta’ dawk li jkunu bejn sema ilma, Malta ma tistax tibqa’ terfa’ piż li ma tiflaħx. B’hekk il-Prim Ministru qal ser jibqa’ jisħaq li l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea għandha terfa’ flimkien ma’ Malta.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-saħħa li għandhom l-istrutturi tal-Partit Laburista. Partit li f’mumenti delikati u diffiċli żamm il-maturitá u l-għaqda fi ħdanu. B’hekk dan il-messaġġ mexa fuq livell nazzjonali.

Il-Prim Ministru semma l-għażla ta’ Catherine Fenech fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista. Dan fl-isfond tal-riżenja ta’ mart il-Prim Ministru s-Sinjura Lydia Abela. “L-għażla ta’ Catherine Fenech tixhed kemm il-Partit Laburista ser iħares u jagħti importanza lill-għeruq tiegħu.” qal il-Prim Ministru.

Qal ukoll kif din l-għażla tixhed ukoll l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jinvolvi aktar nisa fl-isfera politika ta’ pajjiżna.

Ritratti: Gareth Degiorgio

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend