Il-klabb tal-waterpolo ta’ San Ġiljan kkundannata kampanja ta’ miżinformazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan bi tmexxija Nazzjonalista u għaqdiet mhux governattivi li fi kliemu jridu jagħmlu sabotaġġ ta’ applikazzjoni għal faċiltà temporanja ta’ jetty biswit il-pitch tal-waterpolo.
Fi stqarrija, il-President tal-klabb Peter Bonavia qal li dak li ġie rrapportat fil-midja huwa miżgħud b’gideb. Qal li kuntrarju ta’ dak rapportat, il-jetty mhux se jkun esklussiv għall-kumpanija privata u mhux se jitħalla jitrakka mal-pitch. Qal li dan se jkun jista’ jintuża biex itella’ u jniżżel in-nies u għalhekk, il-bajja mhux se tinbidel kif seħħ f’Tas-Sliema.
“Din hija gidba oħra sfaċċata mill-kunsill lokali, minn għaqdiet mhux governattivi u minn individwi li qegħdin jiffabbrikaw qlajjiet mingħajr ebda bażi,” qal il-President ta’ San Ġiljan.
Apparti minn hekk semma’ li l-kumpanija se tagħmel użu minn bċejjeċ tal-baħar ġodda u li huma konformi mal-aqwa standards ambjentali.
Sostna li minkejja li l-club huwa wieħed mill-ewlenin f’Malta, huwa wieħed mill-ftit li m’għandux faċilitajiet kif mixtieq. Qal li d-dħul mill-użu ta’ din il-faċilità se tikkontribwixxi għal titjib tant meħtieġ fil-pitch u se tagħmilha posssibbli biex jinvestu fin-nursery tagħhom u jiġbdu aktar tfal lejn dan l-isport.
Is-Sur Bonavia żied jgħid li dan il-jetty huwa soluzzjoni temporanja sakemm jitlesta l-proġett tagħha ta’ żvilupp mill-ġdid tal-pixxina u l-madwar.
Fuq kollox saħaq li kollox sar skont il-liġi u waqt li tenna li ma kienu qegħdin jistennew l-ebda tifħir, qal li huwa inċattebbli li dawn in-nies qegħdin idawru l-fatti biex jinfluwenzaw is-smigħ tal-Awtorità tal-Ippjanar it-Tnejn li ġej.