Masġar flok triq fl-Imsida – ser jitħawlu 459 siġra indiġina

Masġar ġdid li jagħti minn Triq il-Wied fl-Imsida għat-Triq Reġjonali fl-istess lokalità se joffri żona ta’ rikreazzjoni mill-aqwa lill-familji Maltin.

Il-ġimgħa filgħodu l-Ministru Ian Borg kif ukoll rappreżentanti ta’ Infrastruttura Malta żaru x-xogħlijiet li qed isiru fil-masġar.

Il-Ministru Borg spjega kif aktar minn sena ilu kienu żaru l-istess sit fejn kien tħabbar il-proġett infrastrutturali tat-Triq Reġjonali. Huwa fakkar kif illum dan il-proġett diġà beda jitgawda mid-diversi utenti ta’ din l-arterja prinċipali li b’disinn ġdid u b’investimenti varji wassal biex din it-triq mhux biss titjib imma issir aktar sikura. Il-Ministru Borg tkellem fuq kif is-sit ta’ fejn Infrastructure Malta għamlet il-masġar kienet slip road li twassal minn Triq il-Wied għat-Triq Reġjonali imma din l-islip road rarament kienet tintuża. “U għalhekk kif qegħdin nagħmlu f’kull proġett, ma ħarisniex biss lejn il-bżonnijiet ta’ min juża t-toroq tagħna, imma rajna kif inkomplu nibnu fuq il-proġett sabiex jintlaħqu objettivi oħra u nimmassimizzaw l-investiment li jsir. Illum il-lokalità tal-Imsida u r-residenti ta’ din il-lokalità ser igawdu minn pulmun ġdid f’din il-lokalità urbana grazzi għat-tħawwil ta’ 459 il-siġra indiġina li komplew jikkumplimentaw id-diversi siġar tal-ballut li kien hawn qrib dan is-sit u li issa jagħmlu parti minn dan il-masġar,” tenna l-Ministru Borg.

Huwa spjega kif f’dan il-masġar intużaw 2000 tunnellatta ta’ ħamrija li nqalgħet minn postijiet oħra waqt l-implimentazzjoni ta’ proġetti oħra ta’ toroq. Huwa għamel aċċenn anke għall-investiment ta’ crash barriers li sar tul parti minn Triq il-Wied, liem investiment qed jassigura li l-karozzi ma jiġux ipparkjati fuq l-egħruq ta’ siġar li ilhom hemm żmien u għalhekk b’dan l-interventi qed jiġu prottetti l-egħruq ta’ dawn l-istess siġar filwaqt li sar tindif tal-ġibjun eżistenti li jilqa’ l-ilma tax-xita u li jgħin biex jiġu kkonservati dawn is-siġar bħala parti mill-Imsida Valley Tree Protection Area.

L-Inġinier Fredrick Azzopardi, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, spjega Ii dan il-proġett huwa xhieda ta’ kemm it-tim tal-aġenzija responsabbli mill-ippjanar tat-toroq qed jagħmel ħiltu kollha biex l-infrastuttura pubblika fil-pajjiż tkun aktar sostenibbli. “Il-proġetti ta’ titjib li nagħmlu fit-toroq qegħdin joħolqu spazji aktar siguri u iżjed komdi, mhux biss għas-sewwieqa, imma għal dawk kollha li jużaw it-toroq b’mezzi differenti, kif ukoll għar-residenti. Billi ntaffu l-konġestjoni u ntejbu s-sigurtà fit-triq, qegħdin ukoll innaqsu t-tniġġis fl-arja u dak ikkaġunat mill-istorbju kif ukoll sfidi oħrajn li jxekklu l-kwalità tal-għixien fil-lokalitajiet tagħna. Studju xjentifiku li sar is-sena l-oħra fuq l-akbar proġetti li qed nagħmlu fit-toroq, bħalma huma l-Marsa Junction Project u s-Central Link Project, ikkonferma li bihom se nnaqqsu 62,000 tunnellata t’emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mil-karozzi kull sena.”

Individwi u organizzazzjonijiet li jkunu jridu jissuġġerixxu spazji pubbliċi biex jiġu kkunsidrati mill-arboristi ta’ Infrastructure Malta ħalli jitħawlu fihom siġar ġodda huma mħeġġin jagħmlu s-suġġeriment tagħhom permezz ta’ imejl fuq sigar.im@infrastructuremalta.com.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend