Oppożizzjoni negattiva, maqtugħa mir-realtà u b’kunflitti ta’ interess ċari – One News

Notifiki

Oppożizzjoni negattiva, maqtugħa mir-realtà u b’kunflitti ta’ interess ċari

Ilbieraħ fil-Parlament, id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo implika li l-gvern qed jigdeb meta jgħid li l-ekonomija qegħda tikber u li t-turiżmu lejn Malta qed joqrob il-figura ta’ tliet miljuni.

Dan kien attentat ieħor fil-kampanja tal-Oppożizzjoni biex tikkonvinċi li bħalissa hawn riċessjoni ‘made in Malta’. Minħabba li t-turiżmu huwa pilastru ekonomiku ewlieni, kull attakk fuq is-suċċess ta’ din l-industrija huwa attakk fuq is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.

Skont Robert Arrigo, il-figura tat-turisti għandha tinkludi biss l-ammont ta’ dawk li jagħżlu li joqgħodu f’lukandi. Dan jindika kemm l-Oppożizzjoni hija maqtugħa għalkollox mir-realtà fl-industrija turistika. Fl-aħħar snin, madwar id-dinja kollha żdied bil-qawwa l-fenomenu tal-Airbnb li f’ħafna ibliet sar jiddomina t-turiżmu.

Barra minn hekk, f’Malta għandna storja twila ta’ holiday lets – b’għexieren ta’ eluf ta’ postijiet mikrija lit-turisti. Dawn jinkludu villel u farmhouses lussużi li jattiraw turisti li jonfqu ferm aktar minn dawk li joqgħodu ġo lukanda. Skont Robert Arrigo, dan m’huwiex turizmu, imma persuni li jiġu Malta biex jaħdmu.

L-aħħar statistika uffiċjali fuq it-turiżmu miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika skont kriterji stabbiliti mill-Eurostat u aġenziji internazzjonali fil-qasam tindika li sa Novembru ġew Malta 2.6 miljun turist. Dan huwa aktar mid-doppju tal-1.1 miljun turist li skont Robert Arrigo ġew Malta. Wieħed irid iqis ukoll li din l-istatistika ma tinkludix ix-xahar ta’ Diċembru – xahar b’saħħtu għall-industrija, tant li s-sena li għaddiet kienu ġew kważi 123,000 turist. Jekk f’Diċembru li għadda kien hemm żieda bħal fil-bqija tas-sena, wieħed jasal għall-ammont ta’ 2.7 miljun turist għall-2019.

Bil-loġika ta’ Robert Arrigo, wieħed għandu jiffoka biss fuq it-turisti li joqgħodu ġo lukandi, li skont hu jlaħħqu 1.1 miljun. Il-problema b’dan ir-raġunament huwa li, skont l-NSO, sa Novembru kien hemm 1,619,981 turist li qagħdu ġo lukandi. Dan jfisser li Robert Arrigo għamel żball ta’ nofs miljun, jew kważi 50% fl-ammont ta’ turisti li joqgħodu ġo lukandi f’pajjiżna.

Filfatt, l-aħħar darba li f’pajjiżna kien hawn 1.1 miljun turist joqgħodu f’lukandi kien fl-2012, skont l-istatistika uffiċjali. Dan ifisser li Robert Arrigo għadu ma ndunax li fis-seba’ snin taħt gvern Laburista it-turisti li joqgħodu f’lukandi żdiedu b’aktar minn nofs miljun, jew bi kważi 50%.

Skont il-loġika ta’ Robert Arrigo, meta l-kollega tiegħu Mario Demarco, li kien Ministru tat-Turiżmu fl-2012, kien jgħid li f’pajjiżna ġew 1.4 miljun turist, huwa kien qed jigdeb, għax dakinhar kien hemm 0.3 miljun turisti fażuli li ma kienux joqgħodu f’lukandi u li kienu jiġu jaħdmu f’Malta.

Qabel jinkwieta fuq l-andament tal-lukandi, Robert Arrigo jmissu jara statistika uffiċjali tal-NSO li tindika li fl-2018 il-lukandi f’pajjiżna kellhom 2 miljun persuna li qattgħu ljieli fihom. Din kienet żieda ta’ 8% fuq is-sena ta’ qabel u ġġenerat tkabbir fl-iljieli ta’ 6%, tant li l-okkupanza għolliet għal 68%, minn 66% fl-2017. Statistika sa Settembru 2019 tindika li l-ammont ta’ persuni li qagħdu f’lukandi s-sena li għaddiet kien ‘l fuq minn 2 miljuni. Il-lukandi mhux minn turiżmu akbar biss qed igawdu, imma minn eluf ta’ Maltin u Għawdxin, li għax qed igawdu minn ekonomija b’saħħitha, qed imorru jqattgħu btajjel fil-lukandi tagħna.

In-nuqqas ta’ loġika u taħwid li wera Robert Arrigo fl-intervent tiegħu fuq l-ekonomija huwa rappreżentattiv tal-qagħda mwiegħra tal-Oppożizzjoni. Li kieku wieħed jimxi fuq il-kunċetti ta’ Robert Arrigo, l-industrija turistika ta’ pajjiżna ma jkollix futur. Dan il-gvern huwa kommess li, filwaqt li jkompli jgħin fit-tkabbir ekonomiku, jgħin ukoll lill-qasam tal-lukandi – tant li fl-aħħar xhur fetħu f’Malta lukandi ġodda – jrid isostni wkoll it-turiżmu għall-barranin li jippreferu li ma jqattgħux btala ġo lukanda.

Dan huwa settur importanti għax iħalli flus dirett fil-bwiet ta’ eluf ta’ familji Maltin, u speċjalment dawk Għawdxin. Studju riċenti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta indika li l-Airbnb iħalli madwar 110 miljun ewro kull sena fi qliegħ għall-familji. Dan huwa ammont akbar minn dak li l-familji tagħna jaqilgħu f’kirjiet li jagħmlu mill-ħaddiema barranin li jaħdmu Malta. Robert Arrigo jrid jeqred dan it-tip ta’ turiżmu u għalhekk irid iċaħħad lill-eluf ta’ familji minn miljuni ta’ ewro fi dħul, iżda l-gvern Laburista ser ikompli jaħdem favur aktar tkabbir ekonomiku u t-turiżmu f’kull forma tiegħu.

Id-diskors ta’ Robert Arrigo huwa eżempju ieħor ta’ Oppożizzjoni negattiva, maqtugħa mir-realtà u b’kunflitti ta’ interess ċari.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend