Jiftħu l-applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja – 730 post vakanti – One News

Notifiki

Jiftħu l-applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja – 730 post vakanti

Fis-sena skolastika li tibda f’Settembru li ġej, in-numru ta’ postijiet fl-Iskejjel tal-Knisja għall-‘Applikanti Oħra’ huwa ta’ 730. L-applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti qed jintlaqgħu online sal-14 ta’ Frar, u f’ċentri speċifiċi bejn it-3 u l-5 ta’ Frar.

Dawn l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu wara li f’Novembru li għadda ġew ippublikati r-regolamenti u wara li ntlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju.

Dawn jinkludu tfal mid-djar tal-Knisja, dawk li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, u studenti minn skola tal-Knisja bla kontinwità. In-numru ta’ applikazzjonijiet kien ta’ 798.

Għalhekk, minn total ta’ 1,528 post vakanti għas-sena skolastika 2020-2021, issa baqa’ 730 post għall-‘Applikani Oħra’.

Il-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir ser jiftaħ Kindergarten fil-Fgura.

Din ser tilqa’ 24 student fl-ewwel sena kindergarten u 24 student fit-tieni sena kindergarten. Fil-ġranet li ġejjin ser jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tat-tfal tal-impjegati u tal-aħwa tal-Kulleġġ San Albert. Il-postijiet vakanti li jibqa’ jiżdiedu ma’ dawk li qed jitħabbru llum.

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija jixtieq javża wkoll li hemm il-possibilità li tinfetaħ ukoll kindergarten tal-iskola St Francis f’Santa Luċija, flok il-kindergarten tal-istess skola f’Ħal Luqa u s-Siġġiewi. F’dak il-każ, il-postijiet offruti fl-iskejjel ta’ St Francis f’Ħal Luqa u s-Siġġiewi jiġu offruti f’Santa Luċija.

Il-proċess għad-dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. Lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji jinsabu fir-Regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend