F’deċiżjoni li ngħatat dalgħodu, il-Qorti Kostituzzjonali rrakkomandat biex dawk li qegħdin jieħdu sehem fil-protesti fil-Belt jevitaw kull twaħħil jew tqegħid ta’ oġġetti ta’ protesta mat-tliet figuri tal-Monument tal-Assedju l-Kbir u mal-pedestall abjad.
Fis-sentenza tiegħu, il-qorti qalet li fl-eżerċizzju tal-jedd tal-libertà tal-espressjoni, inkluż il-mod u l-manjiera ta’ kif issir il-protesta, għandu juri sens għoli ta’ kura, responsabbiltà, rispett u sensittività lejn il-Monument tal-Assedju l-Kbir u lejn iż-żona tal-madwar.
Fid-dawl ta’ dan qalet li għandu jiġi evitat li fuq il-pedestall tal-ġebel jew irħam abjad jitqiegħdu oġġetti ta’ protesta, inkluż xemgħat, fjuri jew xtieli.
Żiedet li mal-parti tal-istruttura komposta minn ġebla rozza, jistgħu jitqiegħdu l-oġġetti tal-protesta b’kawtela u responsabbiltà fl-ogħla livell tagħha biex ma ssirx ħsara. Qalet li dan jgħodd ukoll għall-parti ta’ isfel nett li hija miżrugħa.
Il-Qorti sostniet li l-buon sens, l-imħabba sinċiera lejn il-pajjiż, is-simboli tiegħu u anke l-imgħoddi, ir-rispett lejn id-diversità ta’ fehmiet, huma valuri fost ħafna oħra li jagħmlu minn dan il-poplu wieħed b’saħħtu.
Qalet li dawn il-valuri għandhom jibqgħu dejjem punt ta’ riferiment u għandhom jiswew sabiex ukoll filwaqt li jibqa’ mħares id-dritt tal-protesta, jinżamm bilanċ tant meħtieġ.
Għalhekk qalet li meta ma jkunx hemm aktar ħtieġa għal Manuel Delia u għal oħrajn li jaħsbuha bħalu li jipprotesta minn dak is-sit, kollox għandu jerġa’ lura kif kien qabel is-16 ta’ Ottubru tal-2017. Sostniet ukoll li lanqas m’għandha tkun eskluża t-tfittxija għal sit alternattiv.
Il-Qorti ordnat li l-oġġetti tal-protesta jitstgħu jitqiegħdu fis-sit bil-mod u manjiera rakkomandata u indikata mill-Qorti.
Qalet li sakemm tiġi osservata l-ordni tagħha, l-oġġetti tal-protesta m’għandhomx ikunu rimossi.
Il-qorti qalet dan għax qiegħda tifhem mill-imġiba ta’ Manuel Delia li l-interess tiegħu hu li tibqa’ ħajja l-għajta tiegħu għall-ġustizzja, li allura jfisser li l-għajta tal-ġustizzja ma tkunx tista’ titwassal b’xemgħat moħlija, fjuri mejta u ritratti koroh.