41% tan-negozji jgħidu li żdidilhom il-bejgħ fl-2019 – One News

Notifiki

41% tan-negozji jgħidu li żdidilhom il-bejgħ fl-2019


Iktar minn 41% tan-negozji qalu li raw żieda fil-bejgħ tagħhom matul is-sena li għaddiet. Dan filwaqt li 26% qalu l-bejgħ baqa’ fl-istess livelli filwaqt li 33% qalu li l-bejgħ naqas.

Dan joħroġ mill-istudju li tagħmel ta’ kull sena l-kamra tan-negozji żgħar u medji. L-aħħar stħarriġ sar fost 300 negozju fl-ewwel ġimgħat ta’ din is-sena.

L-iktar tliet raġunijiet komuni msemmija minn-negozji għaż-żieda fil-bejgħ kienu l-introduzzjoni ta’ servizzi jew prodotti ġodda b’24%, żieda fil-konsum u l-popolazzjoni b’19% u aktar flus fil-but, b’17%. Mill-banda l-oħra 21% tan-negozji qalu li l-iżviluppi politiċi lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet kienu fattur fit-tnaqqis fil-bejgħ.

Kważi żewġ terzi tan-negozji qalu li jew għamlu profitt ikbar mill-2018 jew inkella għamlu l-istess profitt li għamlu matul l-2018.

Fi żmien il-festi 39% tan-negozji rraportaw li kienu sodisfatti ħafna jew sodisfatti bil-bejgħ. 25% oħra ma esprimewx opinjoni jekk kinux sodisfatti jew le bil-bejgħ fi żmien il-Milied.

L-aqwa jumejn għan-negozju matul is-sena li għaddiet kienu Black Friday u lejlet il-Milied, b’31% fiż-żewġt iġranet. L-istħarriġ wera wkoll li komplew jiżdiedu sew in-negozji li jieħdu sehem fi Black Friday, il-jum li joffri skontijiet kbar biex jiġu attirati eluf ta’ konsumaturi.

Il-Viċi-President tal-Kamra Marcel Mizzi sostna li matul is-sena 2019 iż-żieda fil-bejgħ kien iktar miż-żieda fil-profitti, fost oħrajn għax iktar kumpaniji qed jagħtu importanza li jħallsu salarji kompettivi.

Mizzi spjega: “Dawn l-aħħar snin dejjem kienet diffiċli n-nuqqas ta’ nies biex nimpjegaw għax hawn full employment u dejjem problema. Fil-fatt din is-sena fil-profitabilità ġiet rrapporta hekk għax il-ħaddiema trid tħallashom biex jiġu miegħek u mhux ħa ssib min jitħallas bil-ftit.”

Għall-2020, iktar minn tliet kwarti tan-negozji jaħsbu li s-sena se tkun l-istess jew aħjar mill-2019. Kwart tan-negozji qalu li matul din is-sena jippjanaw li jkabbru n-negozju tagħhom f’pajjiżna.

Mizzi sostna: “In-negozjanti xorta qed iħarsu lejn dis-sena bħala li ħa tkun aħjar anka minħabba l-fatt li aħna naħsbu li issa għandna Prim Ministru ġdid u għandhom fiduċja li ħa jsir it-tibdil li hemm bżonn u l-affarijiet xorta jmorru tajjeb.”

Intant 13% tan-negozji qalu li l-ikbar sfidi fil-bqija tas-sena se tkun iż-żieda fl-ispejjeż u n-nuqqas ta’ ħaddiema.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend