Għal sena oħra huwa film ta’ Avengers li ddomina s-swali taċ-ċinema tul din is-sena.
Wara s-suċċess ta’ Infinity War fl-2018, din is-sena rat lil Endgame li mhux biss laħaq l-ewwel post iżda sar l-iżjed film li qatt daħħal flus fl-istorja.
Għall-kritiku tal-films Mario Azzopardi, dawn is-suċċessi jikkonfermaw kif il-kumpanija Disney ddominat iċ-ċinema mhux biss din is-sena iżda tul id-diċenju kollu.
“Diċenju sħiħ bejn l-2010 u l-2019 ddominat mill-films ta’ Disney. Naħseb li bħalissa huma ftit l-kompetituri li jistgħu ikollhom id-Disney speċjalment wara li xtraw il-franchises tal-Marvel u Star Wars. Fl-għaxar snin kienu sentejn biss li m’humiex fl-ewwel post films tad-Disney.”
Semma wkoll li film ieħor li ntlaqa’ matul din is-sena kien dak ta’ Joker. Film li esplora l-oriġini tal-antagonist magħruf ta’ Batman.
Faħħar partikolarment il-prestazzjoni tal-attur Joaquin Phoenix fl-irwol ta’ Joker.
“Nistenna li Phoenix jirbaħ Golden Globe għall-aħjar attur f’parti drammatika u naħseb li jkun protagonist meta niġu għall-Oscars fi Frar li ġej.”
Film li għalih kien hemm stennija għalih tul l-elfejn u dsatax iżda li bħalissa qiegħed ibati speċjalment meta mqabbel mal-films preċedenti fis-serje, huwa dak ta’ Star Wars The Rise of Skywalker.
“Bir-riga ta’ Star Wars ma kienx suċċess speċjalment fil-box office Ċiniża li mar ħażin ħafna.”
Azzopardi qal li The Rise of Skywalker mhuwiex waħdu fil-lista ta’ films li ddeludew fil-bejgħ fis-swali taċ-ċinema. Semma fost oħrajn il-film Terminator Dark Fate li ddiżappunta minkejja r-ritorn ta’ James Cameron u Arnold Schwarzennegger. Magħhom, il-kritiku tal-films żied ukoll Maleficent Mistress of Evil ta’ Angelina Jolie u X-Men Dark Phoenix.
Mistoqsi dwar x’qed toffri l-elfejn u għoxrin fiċ-ċinema, Azzopardi qal li r-ritorn ta’ 007 fil-film No Time to Die se jkun wieħed mistenni ferm.
“Wieħed jara t-trailer jidher li huwa film interessanti ħafna – fih ħafna effetti speċjali li huma interessanti immens. Wieħed jistenna l-film li hiereġ fit 2 ta’ April qabel il-ġimgħa l-kbira. Naturalment ħa jkun film mistenni ħafna.”
Semma wkoll li se joħroġ film ieħor mis-serje Fast and Furious kif ukoll ir-ritorn wara 34 sena ta’ Tom Cruise bħala Maverick fil-film Top Gun: Maverick.
Qal ukoll li hemm films oħra bħal Birds of Prey, Black Widow u Wonder Woman li se jkunu notevoli għax se jaraw mara fil-parti prinċipali kif ukoll fis-siġġu tad-direttur tal-film.