BIL-FILMAT: Inawgurata residenza ġdida għal żgħażagħ bla dar – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Inawgurata residenza ġdida għal żgħażagħ bla dar

Is-Sibt filogħdu ġiet inawgurata Dar Alberto Marvelli f’Raħal Ġdid. Dan il-proġett soċjali għal żgħażagħ bla saqaf fuq rashom għandu l-ħsieb jgħinhom jgħixu ħajja independenti fil-komunità.

Bryan Magro l-kordinatur tal-proġett spjega li din id-dar li se tkun qed titmexxa mis-Salesjani se tkun qed taddotta programm ta’ mentoring immexxi minn tlett għaqdiet volontarji.

“Hawnhekk se jkollna żgħażagħ ġuvintur li huma għandhom diffikulta fil-familji tagħhom u għandhom bżonn saqaf fuq rashom. L-idea mhux biss li nipprovdu saqaf fuq rashom imma wkoll li ngħinuhom jgħixu ħajja indipendenti. Illum il-ġurnata m’għandniex nibdu istituzzjonijiet kbar anki minħabba labelling li konna nagħmlu fis-soċjetà.” qal Magro

Id-dar se takkomoda tliet ġuvintur żgħażagħ u ngħatat lis-Salesjani minn benefattur. Din eventwalment issemmiet għal Alberto Marvelli, beatu żagħżugħ li kien student passat tas-Salesjani.

Il-Ministru Michael Falzon sostna li dan huwa l-ewwel ftehim tat-tip tiegħu għal din is-sena, u fakkar kif ftehimiet oħra għal servizzi ġodda bejn il-Gvern u entitajiet oħra żdiedu b’sitt darbiet fi ftit snin.

“Nemmen li bħala soċjetà għandna dover li ngħinuha. Bħala Gvern għandna għal qalbna ħafna dan is-settur, biżżejjed ngħid li minn 3 ftehimijet tlajna għal 45. Il-baġit mhux itrippla imma żdiet b’sitt darbiet u qed ilaħħaq is-sbatax-il miljun. Lesti naħdmu ma’ kulħadd basta ntejjbu s-soċjetà ta’ pajjiżna,”

Huwa spjega wkoll ħadd m’għandu jintilef mis-soċjetà u għandhom ikunu inizzjativi bħal dawn li jiddistingwu lis-soċjeta’ u s-sens ta’ solidarjeta’ li għandna bejnietna.

Is-siġill ta’ dan il-ftehim se jfisser li l-Gvern se joħroġ l-allokazzjoni ta’ €70,000 fuq perjodu ta’ tlett snin. L-Awtorita’ ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali se tkun qed tassigura li s-servizz mogħti huwa skond l-istandars stabbiliti wkoll.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend