BIL-FILMAT: Il-Bank of Valletta qed jaħdem “b’qalb ġdida” – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Il-Bank of Valletta qed jaħdem “b’qalb ġdida”

Il-Bank of Valletta, l-akbar bank f’Malta għadu kif investa f’sistema diġitali ġdida li se tikkumplimenta l-viżjoni tiegħu li jkun aktar kompetittiv u innovattiv għall-ġid tal-klijenti.

Biex għamel dan, il-kumpanija kellha tillimita xi servizzi fl-ewwel ftit jiem tas-sena ġdida biex l-informazzjoni setgħet tgħaddi fuq is-sistema l-ġdida.

L-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet tal-bank, Ernest Agius spjega li din is-sistema tintuża minn madwar sitt mitt istituzzjoni finanzjarja madwar id-dinja, u grazzi għaliha, il-bank se jkun aktar relevanti f’dinja diġitali.

“Tkun relevanti għaż-żmienijiet billi tkun innovattiv, tkun tista’ jkollok sistemi diġitali biex taqdi lill-klijent mill-kumdità ta’ daru. Jiġifieri dan l-investiment ħares mhux biss billi ġedded il-core banking system u għamilha aktar data enriched biex tkun relevanti għal dak li jitlob ir-regolatur illum il-ġurnata, imma biex ikun relevanti għall-futur b’sistemi diġitali li se jkun u qed jgħinu lill-klijent.”

Biex wasal s’hawn, il-bank ħa snin sħaħ jirriċerka sistemi alternattivi u ħarreġ l-impjegati tiegħu.

“Il-proċess beda erba’ snin ilu. L-għażla saret tliet snin ilu u fi żmien tliet snin ġie implementat il-proġett. Bidla li kieku kelli nqabbilha ma bniedem qisek qed taqla’ l-qalb ta’ bniedem u ddaħħal oħra.”

Għall-ħaddiema fil-banek tagħha l-ħidma issa hija aktar faċli, għax is-sistema tiġġedded b’mod awtomatiku u fl-istess ħin iżżomm l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod sigur iżda aċċessibbli.

“L-impjegati tul is-sena li għaddiet kellhom training intensiv imma bħal kull oġġett ġdid hemm ċertu challenges li wieħed irid jidrahom. Is-sistema hija data enriched jigifieri anke meta klijent huwa quddiemek se tgħidlu li jrid l-informazzjoni minn għandu, għax is-sistema hekk tgħidlek. Dawn il-bidliet se jkunu qed iħossuhom il-klijenti.”

Fuq kollox, il-Bank of Valletta ħadem biex jikseb din is-sistema l-ġdida bil-kumdità tal-klijent f’moħħha.

“Tkun kullimkien l-istess. Il-bank se jkun qed jinvesti biex il-klijent ma jħossux sorpriż meta juża s-sistema tiegħu minn fuq il-mobile jew jiġi biex jużaha minn fuq il-laptop. Dawn huma innovazzjonijiet li se jkun qed jagħmel u jdaħħal ħafna self-service banking.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend