BIL-FILMAT: €799,000 f’donazzjonijiet għal 36 entità mill-IIP fl-2019 – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: €799,000 f’donazzjonijiet għal 36 entità mill-IIP fl-2019

F’sena waħda biss, 36 għaqda filantropika bbenefikaw minn €799,000 f’donazzjonijiet minn persuni li daħlu fil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.

Dan joħroġ mill-aħħar rapport tar-regolatur dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Bejniethom dawn l-għaqdiet li jaħdmu fl-isfera kollha tas-soċjetà rċievew 128 donazzjoni li bihom setgħu jkomplu jtejbu s-servizzi u l-ħidma tagħhom fil-komunità Maltija fosthom tfal li jimirdu bil-marda kiefra tal-kanċer u persuni b’diżabilità.

Puttinu Cares u l-Fondazzjoni li tmexxi l-Malta Community Chest Fund kienu l-aktar żewġ entitajiet li ġew irregalati donazzjonijiet fl-aħħar sena. Huma ngħataw bejniethom 58 donazzjoni.

Mir-rapport joħroġ li minkejja li l-għadd ta’ donazzjonijiet naqsu b’għaxra meta mqabbel mal-perjodu ta’ qabel, madankollu l-ammont totali f’donazzjonijiet żdied b’sebgħa u tletin elf u sitt mitt ewro.

Interessanti wkoll li fl-aħħar sena kienu biss 16-il entità li reġgħu ngħataw donazzjoni minn dawk li daħlu fil-programm.

Entitajiet oħra li bbenefikaw minn dawn id-donazzjonijiet kienu Caritas Malta li taħdem ma’ persuni li huma mirkuba mill-vizzju tad-droga, Dar Merħba Bik li tilqa’ fi ħdanha nisa’ li jġarrbu vjolenza domestika, Hospice Malta li taħdem ma’ persuni morda bil-marda kiefra tal-kanċer u l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome u d-Dar tal-Providenza.

Entitajiet oħrajn li bbenefikaw kienu s-Sorijiet tal-Ursolini li jrabbu bosta tfal li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fil-familja bijoloġika tagħhom, il-fondazzjoni Life Cycle li tgħin persuni li jbatu bil-mard tal-kliewi u bosta għaqdiet oħra li jaħdmu fil-qasam tal-annimali, l-ambjent u l-wirt storiku ta’ pajjiżna bħal Heritage Malta.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend