AĠĠORNAT: Jitwaqqfu l-konsulenzi ta’ Adrian Hillman – One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Jitwaqqfu l-konsulenzi ta’ Adrian Hillman


Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjari u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo ħabbar li l-Gvern temm b’mod immedjat kuntratt ta’ konsulenzi li l-eks direttur maniġerjali ta’ The Times Adrian Hillman kellu mal-Awtorità Maltija għal-Logħob.

Fuq Twitter, is-Sur Bartolo qal li din id-deċiżjoni ttieħdet bħala sinjal ta’ tolleranza żero għal min jipprova jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ din l-industrija kruċjali.

Huwa żied jgħid li s-Sur Hillman, li huwa eks direttur maniġerjali tal-kumpanija Allied Newspapers li tmexxi l-gazzetti The Times, kien qed jitħallas fondi li kienu intiżi għal kumpanija privata b’konsulenzi mal-Awtorità Maltija għal-Logħob, l-MGA.

Fi żvilupp ieħor matul il-jum, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici kkonferma li s-Sur Hillman mhux se jkun iktar fuq il-bord tal-gvernaturi tal-Università Amerikana ta’ Malta.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dawn id-deċiżjonijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern immexxi minnu se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu.

Il-Prim Ministru stqarr: “Kienet deċiżjoni li ġejt ikkonsultat dwarha u kienet deċiżjonijiet li jien ħassejt flimkien mas-Segretarju Parlamentari li kellha tittieħed.”

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jkompli jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu fl-interess tal-pajjiż u tal-governanza tajba. Huwa sostna: “Nitkellem fuq is-sistema ta’ governanza tajba fejn niddentifikaw li kien hemm nuqqasijiet allura se nkun l-ewwel wieħed biex dawn jiġu indirizzati.”

Mistoqsi dwar l-inċidenti li seħħew fl-aħħar xhur fejn sidien ta’ djar spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom, il-Prim Ministru saħaq fuq il-bżonn li jkun hemm bilanċ ta’ rispett bejn l-iżviluppaturi u l-ġirien tagħhom, il-Prim Ministru wieġeb: “Nemmen iva li rridu noħolqu mekkaniżmu biex jekk jiġru inċidenti bħal dawn idealment ma jiġrux jekk jiġru jkun hemm mekkaniżmu li jiskatta mill-ewwel u jipprovdi residenza alternattiva għar-residenza li jkunu affettwati b’mod negattiv kif ukoll kull rimedju ieħor li jieħu biex l-inkonvenjent jitnaqqas kemm jista’ jkun possibbli.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li kulħadd għandu l-obbligu li josserva l-liġijiet tal-pajjiż kemm jekk l-entità hija privata u kemm jekk tkun pubblika.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend