Ara x’inhu l-pass li jmiss għall-kummerċ u d-dwana f’Malta wara BREXIT – One News

Notifiki

Ara x’inhu l-pass li jmiss għall-kummerċ u d-dwana f’Malta wara BREXIT

Hekk kif fl-aħħar ta’ Jannar, ir-Renju Unit ser jħalli għalkollox l-Unjoni Ewropea, dan il-pajjiż se jidħol f’perjodu ta’ ħdax-il xahar ta’ transizzjoni biex flimkien mal-Unjoni Ewropea jintlaħaq ftehim dwar il-kummerċ.

Ser ikun it-tmiem ta’ dawn id-diskussjonijiet fl-aħħar ta’ din is-sena li jiddeterminaw kif is-servizzi kumerċċjali mir-Renju Unit ser jolqtu lill-Konsumaturi u Operaturi tal-membri stati, fosthom Malta.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, is-Sur Joseph Chetcuti, spjega ma’ One News l-ewwel passi li se jittieħdu l-għada li r-Renju Unit jiddivorzja minn mal-Unjoni Ewropea.

“Dan ifisser illi mill-ewwel ta’ Frar sa kemm jibqa’ għaddej il-perjodu tranżistorju l-movimenti ta’ merkanzija u l-movimenti ta’ persuni  bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea kif inhuma llum, iġifieri mhux ser jiskattaw dazji f’dan l-istadju, f’dan l-istadju ser nibqgħu noperaw kif aħna. Imbagħad skont ma jiġi mifthiem jiġi attwat mis-sena d-dieħla”

Is-Sur Chetcuti qal li għalissa ma jafux eżatt x’se jkunu l-konsegwenzi tat-tluq tar-Renju Unit fuq Malta, iżda saħaq li se jużaw dawn il-ħdax il-xahar sabiex jipprepraw lill-Komunità Kummerċjali Maltija għar-regolamenti li ser jiġu mifthema bejn iż-żewġ naħat fl-aħħar tas-sena.

Spjega kif id-Dwana Maltija, permezz tas-sistema magħrufa bl-isem EORI qed tagħti taħriġ lill-operaturi Maltin u Għawdxin għad-diversi konsegwenzi.

“Essenzjalment training ta’ proċeduri illi jkun hemm bejn Stati Membri u pajjiżi terzi kif ukoll is-sistemi eletroniċi li jintużaw biex wieħed jagħmel id-dikjarazzjonijiet fis-sistemi tad-dwana”

Is-Sur Chetcuti qal li diġà kien hemm diversi operatui li rreġistraw, fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu direttament mal-kummerċ fir-Renju Unit.

Mistqosi kif id-Dwana Maltija ser tintlaqat mill-ħruġ tar-Renju Unit wara dawn il-ħdax-il xahar, is-Sur Chetcuti qal li d-Dwana qed isaħħaħ l-operaturi tagħha permezz ta’ modernizzar ta’ sistemi fl-ajurport u l-portijiet Maltin.

“L-appell tiegħi huwa wieħed biex inħejju ruħna għal din l-eventwalità li ser isseħħ kemm mill-aspett ta’ proċeduri kif ukoll mill-aspett loġistiku, iġifieri bħalissa għaddejjin aħna b’xiri ta’ tagħmir biex niffaċilitaw il-passiġġieri illi joħorġu mill-ajruport mal-wasla tagħhom.”

L-appell finali tas-Sur Chetcuti kien sabiex l-operaturi kollha li huma bbażati f’Malti jirreġistraw id-Dwana fil-jiem li ġejjin, biex fil-bidu tas-sena d-dieħla jkunu jistgħu jaħdmu bla xkiel u bi proċeduri ġodda b’rabta ma’ Brexit.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend