Ċifri tal-Eurostat juru li matul it-tielet kwart tas-sena li għaddiet, Malta kellha t-tieni l-akbar tnaqqis fid-dejn tal-gvern meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Miċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ li l-għafsa tad-dejn fil-pajjiżi taż-Żona Ewro kienet ta’ ftit aktar minn sitta u tmenin fil-mija tal-prodott domestiku gross.
Il-Eurostat qal sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, l-ogħla rata ta’ dejn ġiet irreġistrata mill-Griegi b’aktar minn 178 fil-mija, segwita mit-Taljani b’aktar minn 137 fil-mija, il-Portugiżi b’aktar minn 120 fil-mija, il-Belġjani b’aktar minn 102 fil-mija u Franza b’aktar minn 100 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross tagħhom.
Min-naħa l-oħra, l-inqas rati ta’ dejn ġew irreġistrati fl-Estonja b’9.2 fil-mija, il-Lussemburgu u l-Bulgarija bi ftit aktar minn 20 fil-mija.
Miċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ li r-rata tad-dejn f’Malta kienet ta’ ftit aktar minn 43 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross, jiġifieri n-nofs tal-medja Ewropea u tliet darbiet anqas mid-dejn li għandhom it-Taljani.
Imqabbel mat-tieni kwart tas-sena li għaddiet, erba’ pajjiżi membri Ewropew rreġistraw żieda fid-dejn ta’ pajjiżhom meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena. Joħroġ ukoll li tlieta u għoxrin pajjiżi rreġistraw tnaqqis fid-dejn, bl-aktar tnaqqis jiġi rreġistrat f’Ċipru b’9.2 fil-mija, segwita minn Malta bi 2.3 fil-mija, l-Olanda b’1.7 fil-mija u l-Finlandja b’1.5 fil-mija.
Il-Eurostat żied jgħid li meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena, seba’ pajjiżi Ewropej irreġistraw żieda fid-dejn tagħhom meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena l-oħra. L-aktar żidiet kienu rreġistrati fir-Rumanija, l-Italja, Franza u l-Litwanja.
Min-naħa l-oħra l-akbar tnaqqis kien irreġistra f’Ċipru u l-Portugall. Malta wkoll irreġistrat tnaqqis fid-dejn bi 2.7 fil-mija tal-Prodtt Domestiku Gross.