Is- Soċjetà Filarmonika Lourdes tal-Qrendi b’diversi attivitajiet biex tfakkar il-125 sena mit-twaqqif tagħha – One News

Notifiki

Is- Soċjetà Filarmonika Lourdes tal-Qrendi b’diversi attivitajiet biex tfakkar il-125 sena mit-twaqqif tagħha

Is-Soċjetà Filarmonika Lourdes tal-Qrendi se tkun qed ittella’ simpożju fuq skala nazzjonali fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif tagħha.

Kien l-10 ta` Frar tal-1895 meta twaqqaf iċ-Circolo Lourdes, l-ewwel wieħed fir-raħal tal-Qrendi, li kien inkarigat jieħu ħsieb il-festi esterni tar-raħal. L-ewwel President tas-Soċjetà kien is-Sur Nikola Magri. Fl-1905, bit-tħabrik ta’ Nikola Magri, twaqqfet ukoll l-ewwel orkestra tar-raħal li kienet iġġib l-isem ta’ Orkestra Bellini. Kien eżattament fl-1942 meta saret it-transizzjoni għall-Banda Lourdes, meta Karm Aquilina għaqqad l-ewwel banda fir-raħal, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mro. Mikiel Ciantar.

‘Soċjetà Filarmonika Lourdes: 125 sena ta` Storja, Devozzjoni u Impenn’ –  l-ewwel simpożju organizzat mis-Soċjetà Filarmonika Lourdes tal-Qrendi se jkun qiegħed jagħti aktar għarfien profond f’dak li jirrigwardja l-istorja tas-Soċjetà u l-kult tal-Madonna ta` Lourdes fir-raħal tal-Qrendi.

Numru ta’ riċerkaturi, storiċi u  akkademiċi se jkunu qed jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom f’dan is-simpożju permezz ta’ studji preparati dwar dan is-suġġett. Il-Professur Henry Frendo, Dott. Simon Mercieca, Dott. Joan Abela u Dott. Charles Farrugia se jkunu fost dawk li se jitkellmu u jagħtu l-kontribut tagħhom.

L-istudji mressqa se jiġu ppubblikati biex l-informazzjoni tkun tista’ titqassam fuq firxa aktar wiesgħa ta’ nies interessati fit-tema kif ukoll biex isservi bħala dokument ta’ riċerka dwar l-istorja tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes għall-ġenerazzjonijiet futuri .

Dan is-simpożju se jittella’ nhar il-Ħadd 9 ta` Frar 2020 fis-sala tas-sede tas-Soċjeta’. Dawk interessati li jipparteċipaw huma mistiedna li jirreġistraw fuq [email protected].

Iċ-ċelebrazzjonijiet ser ikomplu billi fl-10 ta` Frar, fil-jum li twaqqfet is-Soċjetà Filarmonika Lourdes, ser issir attivita’ quddiem l-ewwel sede li kellha s-Soċjeta’, l-Palazz tan-Nobbli Spiteri Agius li kien jinsab fi Strada Reale, illum Triq il-Kbira u wara jitpoggew fjuri quddiem l-istatwa tal-Madonna ta` Lourdes fi Triq Antonio Chircop. Fil-11 ta` Frar, fil-jum tal-festa liturġika tal-Beata Verġni Immakulata ta` Lourdes, il-Kumitat Ezekuttiv flimkien mas-Sezzjonijiet kollha ser jattendi ghall-Quddiesa Kantata Solenni ta` Tifkira ta` l-Ewwel Dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes u Jum Dinji tal-Morda.  Din il-Quddiesa ser tkun ukoll bħala ringrazzjament lil Alla għal dawn il-125 sena.

Se jiġi ppublikat ukoll ktieb dwar l-ewwel 125 sena tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes, miktub minn Dott. Joan Abela u Vanessa Buhagiar, kif ukoll ser tittella’ wirja unika biex jitfakkar dan l-anniversarju importanti.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu mill-20 ta’ Ġunju sat-28 ta` Ġunju fejn ser tigi ċċelebrata il-Festa ad unur il-Beata Verġni Immakulata ta` Lourdes.

Għal min hu dilettant tal-festi jaf li mill-1895, din is-Soċjetà ħadmet qatigħ biex illum il-festa tal-Madonna ta` Lourdes hija waħda mill-aqwa festi f’pajjiżna, kemm mill-aspett ta’ banda, nar u briju u anke mill-aspett ta’ armar rikk li jlibbes il-qalba tar-raħal pittoresk tal-Qrendi fil-ġranet tal-festa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend