Skont ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, matul is-sena li għaddiet kważi seba’ mija u sitta u sittin elf passiġġier żaru lil Malta abbord tliet mija u disgħa u ħamsin cruiseliner. Din kienet tfisser ukoll żieda ta’ kważi mija u tlieta u tletin elf passiġġier jew wieħed u għoxrin fil-mija aktar fuq l-elfejn u tmintax.
L-ikbar żieda fil-passiġġieri kienet mis-suq Ġermaniż b’erba’ u erbgħin elf, tmien mija u ħamsa u erbgħin passiġġier aktar mill-elfejn u tmintax, segwita mis-suq Amerikan b’żieda ta’ sebgħa u tletin elf, tmien mija u sebgħa u tletin passiġġier u s-suq Brittaniku li ra żieda ta’ aktar minn sbatax-il elf passiġġier.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li aktar minn erbgħa u ħamsin fil-mija tal-passiġġieri kienu nisa waqt li l-età medja tat-total ta’ passiġġieri li żaruna kellhom bejn sittin u disgħa u sebgħin sena. Joħroġ ukoll li ż-żieda fil-passiġġieri kienet fost l-etajiet kollha.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet ġew Malta total ta’ mija u sitta u sittin elf, tmien mija u disgħa u ħamsin passiġġier, tnaqqis ta’ tnax punt sebgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-elfejn u tmintax. Mill-passiġġieri fuq il-cruiseliners, aktar minn ħamest elef u sebgħa mija minnhom raqdu mill-inqas lejl f’pajjiżna u kien hemm aktar minn mija u ħamsin li żaru wkoll lil gżira Għawdxija.
Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ ukoll li matul is-sena li għaddiet waslu f’Malta tliet mija u disgħa u ħamsin cruiseliner, disgħa u erbgħin aktar mill-elfejn u tmitnax.