Il-‘Valletta Baroque Festival’ daħal fit-tieni ġimgħa tiegħu – One News

Notifiki

Il-‘Valletta Baroque Festival’ daħal fit-tieni ġimgħa tiegħu

Wara l-ewwel ġimgħa ta’ suċċess, il-festival qiegħed jirranka għat-tieni ġimgħa tiegħu, li wkoll hija mimlija bl-aqwa prestazzjonijiet. Il-ġimgħa se tibda b’kunċert ħelu tal-pjanu minn Kotara Fukuma fil-Palazz ta’ San Anton nhar it-Tnejn, li jinkludi traskrizzjonijiet tax-xogħlijiet ta’ Bach. Aktar tard dakinhar, il-festival se jimxi lejn il-Knisja Kolleġġjata sabiħa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla għal Stabat Mater ta’ D’Astorga u Galuppi mill-Coro & Orchestra Ghislieri. Il-Valletta Baroque Festival u Kor Malta nhar it-Tlieta se jieħdu lill-udjenza tul uħud mill-aħjar siltiet tal-mużika strumentali ta’ Biber, bir-Requiem tiegħu bħala s-silta tal-unur. Il-Knisja Parrokjali ta’ San Ġorġ f’Ħal-Qormi se tkun ta’ sfond għal din ir-Requiem.

Il-kunċert minn La Grand Chapelle fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann nhar it-22 ta’ Jannar b’mużika miktuba għall-Palazz tal-Arċiduki Albert u l-Infanta Isabella Clara Eugenia huwa assolutament mhux ta’ min jitilfu. Id-direttur Albert Recassens jikkwota dan li ġej fuq il-programm, ‘Dan se jibni mill-ġdid il-mużika da camera u da cappella li kienet tinstema’ fil-palazz tal-Arċiduki Albert u Isabella u jiffoka fuq il-madrigali u l-villancicos ta’ Pedro Ruimonte, xogħlijiet maħdumin b’sengħa li jaċċentwaw l-espressività tat-testi. Se jinkludi wkoll għażla ta’ xogħlijiet vokali u strumentali minn kollegi tiegħu, l-aktar motetti għal kor doppju minn Peter Philips, b’tifkiriet ċari ta’ Ruma (mhux ta’ b’xejn studja ma’ Felice Anerio fl-English College) kif ukoll siltiet strumentali minn Girolamo Frescobaldi, Richard Dering u Pieter Cornet. Għalhekk, dan il-programm, se jġib quddiemna x-xena mużikali tal-kappella u l-kamra arċidukali, fejn nistgħu nisimgħu bħal salib it-toroq ta’ stili mużikali affaxxinanti (Spanjol, Taljan, Ingliż, u Fjamming) u s-sebħ tal-modernità Barokka.’ Id-Direttur artistisku Kenneth Zammit Tabona ma setax ħaseb għal post aħjar sabiex tittella’ din il-mużika. Ir-rabta bejn il-mużika u l-Katidral hija eminenti.

L-arazzi ta’ Rubens li kienu mogħtija mill-Granmastru Ramon Perellos y Roccaful huma direttament marbuta mal-Palazz tal-Infanta u l-Arċiduki. Għalhekk, qabel il-kunċert fis-6.30 ta’ waranofsinhar il-kuratur Cyntha De Giorgio se tagħti preżentazzjoni msejħa ‘The Infanta Isabella and her gift of Woven Splendour’ (L-Infanta Isabella u r-Rigal tal-Għeġubijiet Minsuġa) fl-Oratorju fejn ħa tispjega din ir-rabta u l-irwol importanti li Isabella Clara kellha għall-arti ta’ dak iż-żmien. Il-preżentazzjoni hija b’xejn għal dawk li se jattendu l-kunċert u d-dħul se jkun fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.

Fit-23 ta’ Jannar f’nofsinhar Katherine Watson u Elizabeth Kenny se jiċċelebraw għeluq l-400 sena ta’ Barbara Strozzi bi programm li jiġbed l-għajn, segwit filgħaxija minn kunċert b’Music From the Missions (23 ta’ Jannar). L-Ensemble Florilegium u d-direttur tagħhom se jtellgħu mużika barokka mill-aqwa miktuba minn kompożituri Bolivjani. Lejla li mhux ta’ min jitlifha.

Prestazzjonijiet oħra li jiġbdu l-għajn huma Nel Mezzo Del Cammin’ Di Nostra Vita minn Voces Suaves, il-kontrotenur Raffaele Pé bi programm sabiħ ibbażat fuq Giulio Cesare. A Baroque Hero, ViBE u Moveo b’La Belle Danse u l-aħħar iżda mhux l-inqas il-kunċert tal-għeluq bis-sehem ta’ Simone Kermes & Amici Veneziani b’Bel Canto di Napoli li żgur se jtellgħu ġigġifogu mużikali fit-Teatru Manoel.

Għal aktar informazzjoni u biljetti www.vallettabaroquefestival.mt jew app.vallettabaroquefestival.mt

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend