L-MFSA tinvesti €12-il miljun f’teknoloġija ġdida – One News

Notifiki

L-MFSA tinvesti €12-il miljun f’teknoloġija ġdida


L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ħabbret investiment ta’ €12-il miljun f’teknoloġija, li se jkompli jsaħħaħ is-servizz li din diġà toffri lis-settur finanzjarju u bankarju lokali.

L-irwol tal-awtorità huwa li tissorvelja l-entitajiet li fost l-oħrajn jispeċjalizzaw f’servizzi bankarji jew ta’ assigurazzjoni, filwaqt li grazzi għal liġi ġdida li daħlet fis-seħħ f’Novembru li għadda, issa hija wkoll responsabbli minn setturi ġodda bħall-hekk imsejħa virtual financial assets u l-cyrpto assets.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Joseph Cuschieri spjega li dan l-investiment il-ġdid se jagħmel tajjeb biex l-Awtorità jkollha mezzi ferm iżjed effiċjenti u siguri biex iżommu l-informazzjoni.

Huwa spjega: “Biex ovvjament aħna jkollna għodda sofistikati u moderni fit-teknoloġija. Sistemi ta’ kif nimmaniġġjaw l-informazzjoni, kif nimmaniġġjaw id-data biex ovvjament aħna notjenu dak il-livell ta’ effiċjenza.”

Is-Sur Cuschieri sostna li dan mhuwiex biss investiment fl-apparat teknoloġiku, iżda wkoll fil-madwar 400 impjegat tal-Awtorità. Numru li fiż-żmien li ġej mistenni jitla’ għal madwar 500. Huwa fisser: “Reċentament ġifieri fil-laptops u fis-sistemi li ovvjament li investejna magħhom għandek madwar miljun ewro. Il-ħaddiema jkunu iktar motivati. Il-ħaddiem meta jkollu iktar għodda, iktar għodda sofistikati u moderni ovvjament ikun iktar produttiv u dik diġà qed naraw benefiċċji tagħha iseħħew.”

Żied ukoll li investiment bħal dan huwa pass eqreb lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan strateġiku tal-Awtorità

Is-Sur Cuschieri stqarr: “U allura l-awtorità biex tkun tista’ twettaq il-pjan strateġiku tagħha trid tinvesti fit-teknoloġija, trid taġġorna l-policies tagħha u toħroġ iktar rigolamentazzjoni li tkun iktar moderna. Tinvesti fil-ħaddiema, tinvesti fit-taħriġ. Naħseb hekk imbagħad l-awtorità tkun qegħda f’pożizzjoni iktar b’saħħitha, iktar robusta.”

Fost l-oħrajn l-MFSA se taħdem biex issaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus. Cuschieri qal li bħalissa, tim Malti ta’ 18-il professjonist qed jieħu taħriġ internazzjonali dwar dan.

Is-Sur Cuschieri temm jgħid: “Apparti minn hekk ukoll ġibna tim minn barra, tim mill-Ingliterra li qegħdin jaħdmu magħna ilhom sitt xhur. U r-rowl tagħhom hu li jgħinuna biex ndaħħlu ċertu prattiċità iktar sofistikati u iktar moderni ta kif aħna nagħmlu s-sorveljanza f’dak li għandu x’jaqsam il-ħasil tal-flus.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend