Maħtur Kumitat tal-Kabinett dwar il-governanza – One News

Notifiki

Maħtur Kumitat tal-Kabinett dwar il-governanza


Fl-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kabinett il-ġdid iddiskuta u esprima qbil mal-proposta tal-Prim Ministru Robert Abela li jitwaqqaf Kumitat dwar il-Governanza.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan il-Kumitat tal-Kabinett għandu jieħu rendikont tal-miżuri li diġà twettqu u dawk li għad iridu jitwettqu, ibbażat fuq ir-rapporti li saru mill-Kummissjoni Venezja u mill-GRECO,

Dan fil-kuntest ta’ taħditiet li diġà kien hemm fil-kumitat immexxi mill-President tar-Repubblika dwar tibdil Kostituzzjonali.

Żied jingħad li abbażi ta’ dan ix-xogħol, għandhom imbagħad jiġu abbozati l-emendi u l-liġijiet meħtieġa biex il-pajjiż jassigura iktar governanza bħala waħda mill-prioritajiet tal-Gvern.

Il-Kabinett iddeċida li l-kumitat jitmexxa mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, u jkun kompost mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretarju tal-Kabinett Mario Cutajar.

Il-Kumitat se jirrapporta lura lill-Kabinett mill-iktar fis possibli biex jibda jitwettaq il-programm meħtieġ.

Waħda mill-prioritajiet ewlenin se tkun l-emendi għall-ħatriet fil-Ġudikatura.

Waqt din l-ewwel laqgħa tal-Kabinett il-ġdid, il-Prim Ministru saħaq fuq il-governanza b’saħħitha fl-oqsma kollha tat-tmexxija tal-Gvern u tal-amministrazzjoni pubblika.

Dr Abela qal li huwa d-dmir ta’ kull Ministru u Segretarju Parlamentari li jara li l-ħidma fl-oqsma tagħhom issir b’reqqa u b’kontabbilità, u skont kif titlob il-liġi.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar ix-xogħol ta’ kontinwità fuq il-programm tal-Gvern, kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tat-tibdiliet meħtieġa, bil-għan li pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem bis-suċċess ekonomiku u soċjali.

Intant fil-bidu tal-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Abela laqa’ grupp studenti mill-Iskola Primarja San Injazju ta’ Ħal Qormi li kienu mħejjija għall-okkażjoni u ħadu magħhom tifkira ċkejkna li għaddew lill-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend