L-Istrateġija tal-MTA qed tħalli l-frott – One News

Notifiki

L-Istrateġija tal-MTA qed tħalli l-frott


“L-aħħar ċifri dwar il-wasliet tat-turisti fil-gżejjer Maltin jikkonfermaw l-istrateġija li adotattat l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fl-aħħar snin.”

Dan kien kliem iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia f’kumment ma’ ONE News b’reazzjoni għall-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Iċ-Ċifri  tal-NSO juru li matul Novembru li għadda, il-wasliet tat-turisti f’Malta kienu jammontaw għal 191,698 turist, jiġifieri żieda ta’ 8.3% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2018.

Iċ-Chairman tal-MTA spjega kif dawn iż-żidiet qed jiġu rreġistrati mhux biss fix-xhur tas-sajf iżda anke tal-ħarifa u saħansitra tax-xitwa. Qal li b’hekk qed tingħeleb l-isfida tal-istaġonalità.

Dr Gulia stqarr: “Qed nirreġistraw dawn iż-żidiet mhux biss fis-sajf imma f’xhur li huma kkunsidrati tal-ħarifa u tax-xitwa wkoll u dan juri li aħna qed jirnexxielna negħlbu ċ-challenge tal-istaġjonalità billi l-prodott tagħna mhux noffruh biss għas-sajf imma qed jirnexxielna nbiegħu lil pajjiżna tul is-sena kollha.”

Huwa spjega wkoll ir-raġuni ta’ aktar turisti minn barra l-Ewropa u qed ikomplu jagħżlu lil pajjiżna bħala d-destinazzjoni għall-btala tagħhom.

Dr Gulia sostna: “Minħabba li aħna investejna tajjeb ħafna f’hubs bħal pereżempju f’Istanbul permezz ta’ Turkish Airlines, l-Emirates permezz ta’ Dubai u reċentament bil-Qatar Airways minn Doha qed ikollna reach għall-Australia, qed ikollna reach għas-South Korea, qed ikollna reach għall-Ġappun, qed ikollna reach ikbar għaċ-Ċina b’tali mod u manjiera naturalment qed iżuruna turisti għall-ewwel darba minn dawn il-pajjiżi li mhumiex Ewropej.”

Spjega kif it-turisti ħallew fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin aktar minn mija u sitta u tletin miljun ewr, li kienet tfisser żieda qawwija ta’ 10.3% meta mqabbel mal-2018.

Dr Gulia temm jgħid: “L-ispiża, l-expenditure hija ħaġa importanti ħafna u anke minn dik il-perspettiva qed jirnexxielna naslu għal riżultati pożittivi ħafna.”

Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li fl-ewwel 11-il xahar tas-sena, il-wasliet tat-turisti f’Malta qabżu ż-żewġ miljun u sitt mitt  waqt li n-nefqa tagħhom f’Malta qabżet iż-€2 biljun.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend