BIR-RITRATTI: Imħabbar proġett għal ambjent aħjar fl-inħawi ta’ bieb il-Bombi – One News

Notifiki

BIR-RITRATTI: Imħabbar proġett għal ambjent aħjar fl-inħawi ta’ bieb il-Bombi


L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta ressqet applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Ippjanar biex tinbena subway ġdida barra Bieb il-Bombi fil-Furjana.

Fost l-oħrajn, is-subway il-ġdida se tkun aċċessibbli għal kulħadd bis-saħħa ta’ turġien u liftijiet ġodda biex il-pubbliku jaqsam minn waqfa tal-karozzi tal-Linja għal oħra bla periklu.

Il-passaġġ tas-subway se jkun wiesgħa 12-il metru u se tkun imdawla b’mod naturali. Se jkun hemm ukoll latrini pubbliċi, spazju miftuħ li jista’ jintuża bħala kafetterija kif ukoll post ta’ parkeġġ għar-roti.

Il-proġett ta’ Infrastruttura Malta ġie ddisinjat b’tali mod li jħajjar aktar l-użu tagħha u mistennija ttejjeb il-konnessjonijiet li diġà hemm għall-mixi f’din it-triq biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd, inkluż dawk bi problemi ta’ mobbiltà.

Il-proġett se jinkludi wkoll installazzjoni ta’ sistema ta’ dwal għal mal-lejl fis-subway tul il-bankini kollha u sistema ta’ kameras tas-sigurtà. Dan filwaqt li se tinżamm l-istruttura li hemm bħalissa fuq waħda mill-waqfiet tal-karozzi tal-Linja li toffri kenn għall-passiġġieri.

Bħalissa Infrastruttura Malta qed tiltaqa’ ma’ diversi entitajiet u awtoritajiet interessati biex tiffinalizza l-pjanti tal-proġett. Il-pjani proposti mistennija jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin qabel ma eventwalment issir sejħa pubblika biex jintgħażlu l-kuntratturi biex iwettqu dan il-proġett.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan kollu filfatt jikkumplimenta l-viżjoni ħolistika tal-Gvern f’dan il-qasam. Huwa fisser: “Il-ħidma fil-qasam tat-trasport u l-infrastruttura, li jmorru id f’id, hija waħda ħolistika, u rridu ninċentivaw lil min jimxi, jivvjaġġja b’Tal-Linja jew mezzi tat-trasport oħra bħar-roti. Allura f’intersection importanti tal-Bombi li hija wkoll bus stop utilizzata, irridu niffaċilitaw il-ħajja ta’ min qed iħalli l-karozza d-dar jew ma xtarax karozza u jivvjaġġa bit-trasport pubbliku.”

Fil-fatt dan il-proġett ambizzjuż qed jingħaqad ma’ investimenti oħra li l-Gvern għaddej bihom fl-inħawi. Dr Borg temm jispjega: “Ftit ‘il bogħod minn hemm għandek pont pedonali fil-Blata l-Bajja u għaddej investiment fil-foss ta’ San Ġakbu, qed inkomplu nsaħħu s-servizz tat-trasport pubbliku għaliex dak huwa l-punt tat-tluq biex jgħinek tikkombatti l-konġestjoni tat-traffiku u ħafna affarijiet oħra. “

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend