Elezzjoni li wriet is-saħħa tal-Partit Laburista – One News

Notifiki

Elezzjoni li wriet is-saħħa tal-Partit Laburista


Sigħat wara li Robert Abela ntgħażel mill-membri tal-Partit Laburista bħala l-mexxej il-ġdid tal-istess Partit, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-elezzjoni tas-Sibt bħala rebħa kbira għall-Partit Laburista.
Fi kliemu, il-membri tal-Partit Laburista taw sinjal qawwi ħafna ta’ demokrazija u tas-saħħa li għandu l-moviment.

Lil hinn mill-istħarriġ u l-elezzjonijiet ġenerali, Dr Muscat innota li l-fatt li aktar minn 92% ta’ dawk eliġibbli, ħarġu jivvutaw, juri kemm il-Partit Laburista huwa b’saħħtu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr: “Hemm is-saħħa għaliex li kieku ma kienx hekk, kien mod u ħin ideali biex dak li jkun ma jipparteċipax għax jgħid dal-Partit lili ma jirrapreżentanix. Minflok, il-Membri tal-Partit Laburista, daħlu għal din il-biċċa xogħol b’entużjażmu kbir u dik minnha nnifisha hija rebħa kbira għall-Partit Laburista.”

Filwaqt li feraħ lill-Partit Laburista għall-organizzazzjoni eċċezzjonali li wera matul l-elezzjoni tas-Sibt, qal li fl-istess ħin ta eżempju ta’ kif isiru l-affarijiet b’mod trasparenti, ordnat u ċivili.

Irringrazzja wkoll lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, u ddesrivieh bħala wieħed mill-aħjar elementi fil-Partit Laburista.

Dr Muscat sostna: “Għamel kampanja tajba u pożittiva, nista’ ngħid illum li Chris huwa wieħed mill-aħjar elementi li hemm fil-Partit Laburista u jien m’għandix dubju li ħa jibqa’ parti ċentrali mix-xogħol tal-Gvern għas-snin li ġejjin.” 

Dwar il-mexxej elett Robert Abela, il-Prim Ministru qal li jinsab kburi li se jħallielu ċ-ċwievet ta’ Kastilja biex mit-Tnejn, ikompli bix-xogħol tal-Gvern.

Iddeskrivieh bħala element eċċezzjonali, u qal li għandu l-kwalitajiet kollha biex jagħmel żewġ affarijiet.
L-ewwel waħda hija li jmexxi b’kontinwità fid-direzzjoni li għażel il-poplu fl-2017.

Dr Muscat kompla jgħid: “Din ma kinitx elezzjoni ġenerali. Din mhijhiex kwistjoni li naħtru Gvern ġdid f’sens jekk irridux inbiddlu l-Gvern. Il-Prim Ministru l-ġdid ħa jagħżel il-Gvern tiegħu, kif jien nirriżenja għada waranofsinhar immur għand il-President tar-Repubblika, awtomatikament il-Minsitri kollha jispiċċaw għax hekk tgħid il-kostituzzjoni tagħna. Kif jinħatar imbagħad il-Prim Ministru l-ġdid, jaħtar il-Ministri tiegħu, imma l-essenza tal-Gvern tibqa’ l-istess.” 

Qal li t-tieni ħaġa li jrid jagħmel Robert Abela hija li jibdel l-affarijiet li saru ħażin jew li setgħu saru aħjar.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat temm jgħid: “M’għandux ikollu problema u m’għandux ikollu diffikultà li jagħmel dawn il-bidliet u jien inkun l-ewwel wieħed li nħeġġu u nappoġġjah biex jagħmel dawn il-bidliet u għalhekk inħeġġeġ lill-Membri kollha, lil dawk kollha li jappoġġjaw lill-Partit Laburista, lil dan il-moviment li wellidna flimkien, biex nagħtu l-appoġġ inkundizzjonat tagħna lill-mexxej tagħna, lil Robert Abela.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend