Notifiki

Toħroġ is-sejħa internazzjonali għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex

L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta ħarġet sejħa internazzjonali għall-kumpaniji jew konsorzji interessati li jieħdu sehem fl-ewwel stadju ta’ proċess minn tlieta biex jiġi identfikat konċessjonarju li se jiddisinja, jibni u jopera l-mina bejn Malta u Għawdex.

Dan il-pass importanti fl-iżvilupp tal-mina fil-fliegu bejn Malta u Għawdex tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Minstru għall-Infrastruttua Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

F’preżentazzjoni teknika, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi ħabbar li l-mina ser tkun twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar u li takkomodah żewġ korsiji, waħda f’kull direzzjoni. Dan flimkien ma’ spazju bejniethom biex ikun hemm post biex jgħaddu l-vettur tal-emerġenza.

“Importanti ħafna li wieħed jara s-sigurtà. Infatti għandek kuritur it-tul kollu tal-mina bi dħul kull mitt metru fejn persuna f’każ ta’ emerġenza fil-mina jkun jista’ anke jidħol u jistenna għas-servizzi tal-emerġenza sakemm jiġu u jneħħu l-periklu sakemm joħorġu.”

Spjega li d-disinn preżentat huwa biss kunċett u dak finali se tħejjih il-kumpanija li tintgħażel fil-fażi finali tas-sejħa.

“Inkludejna dak li nsejħulu ‘a conceptual design’ jiġifieri disinn ta’ kif aħna nemmnu li jista’ jkun din il-mina. Mhuwiex disinn finali għalhekk qed inħallu wkoll f’idejn il-bidders li jressqu disinji differenti.”

L-Inġinier Azzopardi spjega l-proċess rigoruż ta’ din is-sejħa bil-għan li tintgħażel l-aqwa kumpanija għal dan il-proġett ambizzjuż.

Qal li l-ewwel fażi minn tlieta tintemm fid 9 ta’ April fejn il-kumpaniji interessati ntalbu jressqu dettalji tekniċi u finanzjarji f’dak li ssejjaħ pre qualification questionnaire biex juru li għandhom rekord tajjeb fir-rigward tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà.

“Fl-aħħar fażi umbgħad ser ikunu qed iressqu l-quddiem dak li nsejjħulu ‘t-toll’, kemm trid tħallas inti biex tgħaddi minn din il-mina fost diversi kriterji oħra. Umbgħad hemmek ser tkun qed tittieħed id-deċiżjoni finali ta’ liema bidder ikun qed jintagħzel u b’liema toll ser tkun qed tiġi ffinanzjata din il-mina.”

Il-Ministru Ian Borg sostna li l-Gvern irid joħloq aktar opportunitajiet għall-Għawdxin u ċ-ċertezza li hu x’inhu t-temp, jistgħu jaqsmu bejn il-gżejjer.

“Inħarsu l-quddiem sabiex dan il-proċess trasparenti jiżgura li naslu f’punt fejn nibdew nirrealiżżaw il-ħolma tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Sosnta li l-Gvern jifhem u japprezza li l-proġett iġib miegħu bosta diskussjonijiet u għalhemm hemm numru ta’ salvagwardji ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

Il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana ddeskriviet il-proġett bħala wieħed mill-ikbar li qatt kellu pajjiżna u sostniet li Għawdex għandu potenzjal enormi. Qalet l-aċċessibilità hi kruċjali u għalhekk il-mina hija game-changer favur aktar investiment, negozju u ħajja ta’ kwalità għall-Għawdxin.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend