Spjunaġġ bi sfond sesswali u l-waqgħa tal-ħajt – One News

Notifiki

Spjunaġġ bi sfond sesswali u l-waqgħa tal-ħajt

Meqjus mill-BBC bħala thriller li jħallik bla nifs, id-dramm Wara l-Ħajt huwa storja ta’ spjunaġġ, vjolenza, tradimenti u illużjonijiet ta’ wegħdiet u b’dan kollu fl-isfond tal-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin. 

Mtella’ b’kollaborazzjoni bejn Vermiglio Theatre Productions u Spazju Kreattiv, id-dramm huwa xogħol il-kittieb magħruf għall-pinna meqjusa imma niggieża Vincent Vella filwaqt li d-direzzjoni hija f’idejn Carlos Farrugia.

Id-dramm ‘Wara l-Ħajt’ jirrakonta storja umana bi sfond storiku. Wara għexiren ta’ snin mimlija tensjoni, il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989, iġġib magħha l-bidu tat-tmiem tal-Gwerra Bierda.

Kien żmien ta’ taqlib kbir. Adel, il-protagonista tad-dramm, ikollha relazzjoni ma’ Helmut, wieħed mill-ispiji tal-iStasi li kienu jaqsmu mill-Lvant għall-Punent biex jifirxu xbieki ta’ spiji nisa billi jisseduċuhom. Fil-parti l-kbira n-nisa kienu jkunu segretarji jew skrivani f’ministeri u dipartimenti tal-istat b’aċċess għall-informazzjoni importanti. In-nisa kienu jintgħażlu, b’reqqa kbira u ċiniżmu spjetat, minħabba l-vulnerabbilità tagħhom.

Wara il-waqgħa tal-Ħajt, inqabdu ħafna spiji u ħafna minn nisa li kienu għenuhom spiċċaw il-qorti, tilfu l-impieg u xi wħud minnhom anke spiċċaw il-ħabs. Id-dramm irid juri li dan it-trattament ma kienx jgħodd għal kulħadd għax dawk li kienu jafu minn fejn kellhom jgħaddu ħelsuha ħafif waqt li kien il-ħut iż-żgħir li ħafna drabi nqabad u ħallas bil-kbir. Hekk ġralha Adel, tant li tispiċċa jaqbadha wkoll breakdown. L-uniku faraġ li fadlilha kienet l-ħabiba tagħha Magda, veterinarja ta’ personalità pjuttost goffa mma leali u, aktar tard, in-neputi tagħha Stefan.

Helmut, l-ex-spija, ukoll jeħel il-ħabs iżda wara li joħroġ jerġa’ jagħmel kuntatt m’Adel biex b’hekk idaħħal lilha u lit-tnejn l-oħra f’baħar ta’ nkwiet. It-tensjoni tiżżdied sew hekk kif jinkixfu numru ta’ sigrieti u r-regħba tibda tagħmel tagħha. Adel, li ssib ruħha maqbuda ġo nassa, tidħol f’taqbida magħha nfisha u ma’ dawk ta’ madwarha biex ma tħallihomx jerġgħu jixħtuha f’qiegħ l-infern. Bil-mod il-mod, tibda tara kif tagħmel biex tħott il-ħajt li kienet spiċċat tistaħba warajh.

Għax ‘Wara l-Ħajt’ tista’ tifthiem ukoll bħala dawk il-ħitan li aħna l-koll nibnu madwarna għall-iskopijiet ta’ moħħna. Kull wieħed mill-karrattri għandu l-ħajt tiegħu, sew jekk hi ċ-ċaħda tar-realtà, l-ambizzjoni, il-biża’ li jċedi mqar ftit u juri sentimenti, kemm ukoll iċ-ċiniżmu li jwassal għal sfruttament bla ħniena ta’ dawk ta’ madwaru.

Dawn l-elementi flimkien isawwru dak li jista’ jissejjaħ thriller psikoloġiku.

Jieħdu sehem f’dan id-dramm insibu lil Michelle Zerafa, Marvic Cordina, Aaron Fenech, Alan Fenech, Renato Dimech, Dolan Debattista, Daniela Carabott Pawley, Miguel Formosa u Gilbert Mallia.

Id-dramm se jittella’ fit-teatru ta’ Spazju Kreattiv fl-24, 25 u 26 ta’ Jannar. Biljetti jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku https://www.kreattivita.org/event/wara-l-hajt/ jew billi ċċempel fuq 21223200.

Ritratt: Michael Sammut

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend