Restawraturi jedukaw lil studenti tal-arti fuq ir-restawr tas-sett ta’ pitturi ta’ Francesco Zahra – One News

Notifiki

Restawraturi jedukaw lil studenti tal-arti fuq ir-restawr tas-sett ta’ pitturi ta’ Francesco Zahra


Ħarġa unika għal studenti tal-arti Maltin ta’ bejn it-8 u s-16-il sena li kellhom l-opportunità jsegwu mill-qrib il-proċess ta’ r-restawr fuq pitturi tal-artist rinomat Francesco Zahra fil-Ministeru għall-Affarijiet Barrani.

Dan hekk kif bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel xogħol ta’ restawr fuq sett ta’ sitt pitturi li jmorru lura għas-seklu 18 u li jirrappreżentaw xeni mit-Testment il-Qadim u riferenzi għall-Misteru Ewkaristiku.

Ix-xogħol b’investiment ta’ madwar €50,000 mill-Fond tad-Diplomazija kulturali qiegħed isir taħt it-tmexxija tar-restawraturi Santa Guido u Giuseppe Mantella.

Restawraturi magħrufin u rrispettati internazzjonalment wara xogħlijiet ta’ restawr mwettqa kemm f’Malta, fl-Italja u fil-Vatikan.

L-Assistent direrttur fit-Taqsima tad-Diplomazija Kultura Dr Sharon Scicluna tkellmet magħna dwar ir-restawr ta’ dawn il-pitturi. Hija spjegat: “Illum il-ġurnata jiġifieri qed nitkellmu xi 4 xhur, ħames xhur wara il-pitturi kważi kollha rrestawrati, baqa’ xi ftit xogħol. Naħsbu li jkun lest sa xahar xahrejn oħra ix-xogħol.”

Waqt l-attività edukattiva, l-istudenti tqassmu fi gruppi u ħadmu fuq settijiet ta’ canvas sabiex flimkien iffurmaw pittura relatata max-xogħol tal-artist Francesco Zahra.

ONE News tkellem ma’ wħud mill-istudenti dwar din l-esperjenza unika. Huma qalulna:

  • “Bħala esperjenza nixtieq ngħid li kienet esperjenza li tieħu gost u li titgħallem ħafna minħabba li tkun qed titgħallem fuq ħafna artisti differenti u t-teknika tagħhom.”
  • “Ħadt ħafna pjaċir tgħallimt affarijiet ġodda fuq kif ipenġi Francesco Zahra u ħadt ħafna gost għax qed nitgħallem kif inpenġi fi gruppi u kif nikkomunikaw flimkien fit-tpenġija.”

Il-Ministru Carmelo Abela qassam ċertifikati lill-parteċipanti kollha u waqt l-intervent tiegħu fakkar fuq l-importanza tad-diplomazija kulturali, sabiex jibnew il-pontijiet bejn il-pajjiżi differenti.

Il-Ministru Abela ħabbar li l-pitturi flimkien ma’ dokumentarju fuqhom u l-proċess ta’ restawr ser jittieħdu Ruma fejn ser jiġu esibiti. Huwa sostna: “Dawn it-tip ta’ attivitajiet li bħala Ministeru mmexxu ’l quddiem anke permezz tal-fondi li jingħataw taħt il-kultura diplomatika u permezz tal-ambaxxati tagħna li għandna barra minn pajjiżna nkunu nistgħu nqarrbu lil xulxin u naqsmu t-talent kbir li għandu pajjiżna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *