Il-Banda Marija Assunta tal-Gudja tferraħ lill-residenti tad-Dar tal-Providenza – One News

Notifiki

Il-Banda Marija Assunta tal-Gudja tferraħ lill-residenti tad-Dar tal-Providenza

Wara li s-sena 2019 kienet ikkaratterizzata b’programm estensiv ta’ ċelebrazzjonijiet mifruxin fuq medda ta’ tnax-il xahar biex jitfakkar il-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta u l-75 sena mill-ħolqien tal-Banda tagħha, is-sena 2020 kellha bidu xejn inqas impenjattiv, meta l-bandisti tal-post tal-Banda Marija Assunta tal-Gudja marru jferrħu ‘lill-anġli’ residenti fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi.

Din kienet il-25 sena konsekuttiva li l-President flimkien mal-Kumitat u l-Bandisti fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Assunta żammew dan l-appuntament annwali tagħhom. Dan il-programm mużikali mill-Banda Marija Assunta jkun mistenni ħafna mir-residenti tad-Dar tal-Providenza għax kuntrarjament għal kif jagħmlu baned oħra, il-bandisti Gudjani jidħlu fil-kmamar u s-swali u jduru d-Dar kollha. Prattikament iferrħu bid-daqq ta’ għanjiet tradizzjonali u innijiet popolari lil dawk ir-residenti li għal xi rġuni jew oħra ma jistgħux jinżlu mis-sodod.

Il-President tal-Għaqda Mużikali Maria Assunta, is-sur Omar Xuereb qal li għall-kumitat u l-imseħbin, flimkien mal-bandisti tal-post, dan huwa l-isbaħ servizz fost is-servizzi kollha li l-Banda tagħhom tesegwixxi matul is-sena. Billi huwa l-ewwel servizz tas-sena, ikunu qegħdin jibdew is-sena b’għan nobbli billi jmorru jferrħu lill-Anġli tad-Dar tal Providenza.

Huwa stqarr li “l-bandisti tal-post tal-Banda tagħna jkunu qegħdin jistennew b’ħerqa huma wkoll dan il-programm għax għalihom dan huwa appuntament annwali li bih jibdew is-sena l-ġdida fuq nota pożittiva. Huma jduru s-swali kollha tad-Dar biex bil-mużika tagħhom iferrħu lir-residenti kollha. Tajjeb li ngħidu li l-Banda Marija Assunta Gudja hi l-unika banda li tagħmel dan għax il-baned l-oħra kollha joqogħdu fis-sala prinċipali fejn mhux kulħadd ikun jista’ jinżel.”

Intant, il-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’  għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet tagħhom biex, b’kollaborazzjoni ma’ BG Malta Fireworks Display, din il-ġimgħa jmorru Sqallija fejn sejrin jesebixxu xogħlijiet pirotekniċi spettakolari tagħhom bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa titulari ta’ San Mauro Abbati, l-qaddis patrun tar-raħal pittoresk ta’ Viagrande fil-provinċja ta’ Katanja, Sqallija.

Il-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’, fergħa importanti fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, sejrin jieħdu sehem fl-attivitajiet festivi li se jkunu organizzati nhar il-Ħadd, 12 ta’ Jannar, 2020.  Fost oħrajn huma sejrin jesebixxu għadd ta’ rdieden mekkaniċi li għandhom joffru spettaklu ta’ arti mill-isbaħ maħluqa minn nar ikkulurit.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend