Waqt il-programm Xarabank, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne sostna bla tlaqlieq li l-prijorità assoluta tal-Mexxej Laburista għandha tkun li l-Partit jibqa’ b’saħħtu u viċin in-nies biex jirbaħ elezzjoni wara oħra.
Fearne tenna l-ambizzjoni tiegħu li jkun eradikat il-faqar f’ pajjiżna u li kulħadd isir sinjur żgħir iżda sostna li biex dan isir jeħtieġ li l-Partit Labursita jibqa’ jiggverna biex jissokta joħloq u jqassam il-ġid ekonomiku.
Fearne kien ċar li l-mudell li bena Joseph Muscat, u li wassalna minn sitwazzjoni ta’ dejn għal waħda ta’ surplus, mgħandux jintmiss, anzi stqarr li għandna nkomplu nżommu sodi quddiem attakki minn pajjiżi Ewropej biex inbiddlu s-sistema tat-tassazzjoni.
Dwar l-immigrazzjoni, Fearne tenna li filwaqt li rridu nkunu umanitarji, m’huwiex ser jaċċetta li pajjiżi barranin jagħmlu pressjoni fuq Malta biex insolvu problema internazzjonali, waħedna.
Fl-aħħar tad-dibattitu, Chris Fearne innota li l-esperjenza li kiseb bħala d-Deputat Prim Ministru ta’ Joseph Muscat tiswa’ mitqlu deheb.
“Bħala Gvern irrid nara li se jkollna isem pajjiżna li huwa mnaddaf. Naħseb li għandi kredenzjali anka mal-kollegi tagħna fl-Ewropa li nista’ nwassal dak il messaġġ. Għandi l-esperjenza li ħdimt sentejn u nofs mal-Prim attwali Joseph Muscat, kelli l-unur naħdem miegħu. Tgħallimt ħafna, kif tmexxi Kabinett, Partit u pajjiż. Nifhem li jekk ningħata fiduċja dik l-esperjenza se nużaha għal ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha”.