Nazzareno Grima ta’ 61 sena mill-Ħamrun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti fl-ewwel tas-sena akkużat bi vjolenza domestika fuq martu u bintu.
L-allegat każ seħħ fil-31 ta’ Diċembru meta għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar fid-dar tiegħu fil-Ħamrun, l-akkużat ħebb u kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lil martu u lil bintu.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Galea akkużatu wkoll li fl-istess ġurnata u anke fil-ġimgħat ta’ qabel, insulentahom, weġġagħhom bil-kliem, tahom fastidju u kkaġunalhom biża’.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għal din it-talba diment li l-indirizz ta’ fejn se jkun qed jgħix l-imputat ma jkunx fil-viċinanzi ta’ martu u bintu minabba raġunijiet ta’ sigurtá u minħabba li għad trid tinstema’ x-xhieda tagħhom.
Fil-fatt l-avukati Amadeus Cachia u Franco Debono spjegaw kif l-imputat se jkun qed jgħix Ħal Qormi ma’ ħutu.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech orndat li r-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depositu ta’ 600 ewro u garanzija personali ta’ 5000 ewro.
Is-sentenza ngħatat fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx lejn id-dar fejn jgħixu martu u bintu fil-Ħamrun, u lanqas fejn l-istituzzjoni edukattiva li tattendi fiha bintu, li jiffirma l-għassa ta’ Ħal Qormi kuljum, li ma jibdilx l-indirizz tiegħu u li ma jsifirx.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittmi.