Jitlef €74,000 u jispiċċa b’idu f’idu wara li daħal jisraq minn dar ta’ anzjana f’Tas-Sliema


Christopher Scerri ta’ 40 sena minn Ħal Qormi ntbagħat 4 snin ħabs wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ serqa minn dar ta’ xwejħa meta ħarġet biex tisma’ quddiesa f’Tas-Sliema.

Il-każ seħħ f’Ottubru li għadda meta l-anzjana li tgħix fi Triq Santa Rita ħarġet minn darha biex tmur għall-quddies fil-Knisja tan-Nazzarenu.

Sakemm kienet barra, l-akkużat u raġel ieħor daħlulha f’darha u qalbu kull m’hemm. Huma nqabdu ħerġin mid-dar tax-xiħa mill-ġirien li nnotaw il-bieb ta’ barra sgassat. Iż-żewġ ħallelin telqu mid-dar b’idhom f’idhom għax il-flus tal-anzjana waqgħulhom u spiċċaw taħt il-gwardarobba. Fl-envelopp kellha madwar €2,000.

L-akkużat ġiet identifikat mill-pulizija minn filmati tas-CCTV li f’daru nstab flok u żarbun identiku għal dak li kien liebes hu u ħiereġ mid-dar.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud qalet li hija konvinta li Scerri kien wara dan l-attentat ta’ serq mid-dar tal-anzjana flimkien ma’ ħalliel ieħor li għadu ma ġiex identifikat.

Fil-qorti l-Ispettur Shawn Pawney xehed li l-akkużat kien l-uniku persuna bid-deskrizzjoni mogħtija mill-ġirien fil-ħin li għadda minn Triq Santa Rita fi triqtu lejn ix-Xatt.

L-imputat nstab ħati wkoll li kien reċediv u li kiser il-kundizzjonjiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ reati separati li allegatament wettaq fil-passat.

Il-Maġistrat Mifsud għamilha ċara li l-kundizzjonijiet imposti mill-qrati għandhom jiġu osservati u sostna li mhux aċċetabbli li l-imputat ma josservahomx għax jaħseb li hu ’l fuq mil-liġi u jista’ jagħmel li jrid.

Il-qorti ordat l-arrest immedjat tal-akkużat u l-konfiska ta’ €74,000 li l-akkużat ħallas f’depożitu u garanziji personali b’rabta mal-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend