Il-paga medja taqbeż l-€20,000 fis-sena – One News

Notifiki

Il-paga medja taqbeż l-€20,000 fis-sena


Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna l-paga medja qabżet l-€20,000 fis-sena.

Din iċ-ċifra toħroġ mil-Labour Force Survey li għamel l-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika matul it-tielet kwart tal-2019.

Fil-fatt f’Settembru l-paga medja laħqet €20,033. Żieda ta’ ’l fuq minn €4,100 jew 26% meta mqabbel ma’ Marzu tal-2013 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.

Minkejja li l-inflazzjoni din is-sena kienet 1.6% aktar meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, il-pagi xorta għolew b’4.8%.

Dan b’kuntrast għall-aħħar sena taħt l-amministrazzjoni preċedenti fejn il-paga medja għoliet biss b’1.9% minkejja li l-inflazzjoni kienet tlaħħaq it-2.4%.

Il-Labour Force Survey juri wkoll li bejn Lulju u Settembru li għadda, ir-rata ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’Malta telgħet għal 74% li hija ogħla mill-medja Ewropea.

Dan tfisser żieda ta’ 13–il punti perċentwali mill-aħħar sena ta’ amministrazzjoni preċedenti.

Din hija l-ogħla rata li qatt irreġistra pajjiżna f’dan il-kwart mindu bdiet tinġabar din l-istatistika.

Ta’ min jinnota kif taħt amministrazzjoni preċedenti pajjiżna kellu rata ta’ impjiegi li tammonta għal 5% inqas minn dik tal-Unjoni Ewropea. Distakk li l-esperti kienu qed ibassru li ser jibqa’ għal għexieren ta’ snin. Madankollu dan id-distakk inqaleb favur pajjiżna taħt Gvern Laburista.

Fil-fatt fit-tielet kwart tas-sena, l-impjiegi komplew jiżdiedu, tant li ntlaħaq rekord ta’ aktar minn 255,000 persuna jaħdmu.

Żieda ta’ kważi 82,000 persuna jew 47% fuq l-2012 u li kważi kollha kemm hi tolqot lill-impjiegi full-time.

Permezz ta’ dawn iż-żidiet fl-impjiegi, ir-rata ta’ qgħad waqgħet għal 3.4% fit-tielet kwart tal-2019 meta fl-istess żmien fl-2012 kienet 6.3%.

Fost l-aktar li bbenifikaw miż-żieda fl-impjiegi kienu n-nisa.  Filwaqt li qabel il-bidla fil-Gvern 44% tan-nisa kellhom impjieg, dan il-proporzjon issa tela’ għal 63%.

Din ir-rata ta’ qgħad hija l-anqas rata ta’ qgħad għal dan il-perjodu mindu bdiet tinġabar din l-istatistika għal Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend