Ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali – One News

Notifiki

Ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali


Hija inaċċetabbli li ħaddiema jitħallsu differenti għal xogħol ugwali. Aċċenna għal dan id-deputat u kandidat għall-elezzjoni ta’ Mexxej Laburista Dr Robert Abela. Spjega li trid tinqata’ l-prattika fejn żewġ ħaddiema bl-istess xogħol jitħallsu differenti għax wieħed ikun mal-kuntrattur.

Waqt żjara lil ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, Abela faħħar il-mod ġust ta’ kif il-kumpanija qed tittratta lill-ħaddiema u ħeġġeġ sabiex oħrajn jimxu l-istess.

Dr Abela stqarr: “Ix-xogħol jagħtu d-dinjità lill-bniedem u biex jagħti dik id-dinjità, il-pagi jridu jkunu diċenti. ilni ħafna nisħaq fuq  il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali li min jagħmel l-istess xogħol, ikollu l-istess ħlas u ma jkollokx sitwazzjonijiet  fejn xi ħadd jitħallas anqas minn ħaddieħor. Qegħdin f’fabbrika fejn il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali huwa diġà applikat. Jien inħares ‘il quddiem biex dan il-prinċipju jiġi fis-seħħ u jitwettaq f’kull post tax-xogħol tagħna madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin.”

Dr Abela qal li hemm persuni li minkejja ż-żieda fix-xogħol, qed jiċċaħħdu milli jipparteċipaw b’mod ġust fis-suq tax-xogħol u li l-paga ma żdiditx bl-istess ritmu ta’ kemm żdied ix-xogħol.

Spjega l-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin u qal li mingħajrhom ma konnix naslu għall-ġid ekonomiku li kellna. Saħaq fuq bilanċ u ġustizzja biex nassiguraw li l-Malti ma jiġix żvantaġġjat. Qal li jekk jiġi elett Prim Ministru jipproponi miżuri fosthom li tinqata’ l-prassi ta’ impjegati bla ktieb tax-xogħol.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend