Id-29 ta’ Diċembru. L-aħħar Ħadd tas-sena 2019. Jumejn oħra mhux biss tispiċċa sena oħra iżda jingħalaq kapitlu ieħor fil-kalendarju Gregorjan. Ser jingħalaq it-tieni diċenju tas-seklu 21.
Għadna kif għixna diċenju turbulenti fejn it-teknoloġija kompliet tavvanza u d-dinja kompliet tevolvi. Żgur mhux forsi dawn l-aħħar għaxar snin kienu ddominati minn diversi stejjer li saħħruna għal jiem sħaħ u għadna nitkellmu fuqhom sal-ġurnata tal-lum.
Fost dak kollu li ġara tul dawn l-aħħar għaxar snin żgur ma naqsux il-kampanji favur l-ambjent akkumpanjati ma’ traġedji naturali bl-aktar riċenti jkun in-nirien li ħakmu l-Awstralja.
Rajna wkoll il-kampanja kontroversjali tal-President Amerikan Donald Trump. Aħbar li ddominat mhux biss ix-xena politikà Amerikana iżda wkoll dik internazzjonali. Trump tela’ fit-tmun lura fl-2016 u wara 4 snin f’dak li jissejjaħ ‘Oval Office’, ser jaffaċja elezzjoni oħra fl-2020. L-elezzjoni ta’ Trump, wara l-presidenza ta’ Barack Obama, rat numru ta’ xeni kemxejn straordinarji fosthom ix-“shutdown” tal-Gvern għal 35 ġurnata bejn l-2018 u l-2019.
Fost l-ħabarijiet li dan l-aħħar iddominaw il-midja internazzjonali huwa l-‘impeachment’ tal-istess Trump. Vot li għadda mill-kamra tar-rappreżentanti iżda għad irid jgħaddi mis-Senat. Minkejja dan, il-vot mhux mistenni jgħaddi hekk kif is-Senat għandu maġġoranza Repubblikana filwaqt li kamra tar-rappreżentanti għandha maġġoranza demokratika.
Aħbar li kienet ixxukjat id-dinja fl-2011 kienet żgur mhux forsi l-mewt ta’ Osama Bin Laden. Dan tal-aħħar kien maqtul minn sparatura wara snin moħbi f’operazzjoni mibgħuta mill-Istati Uniti bl-isem ta’ Operation Neptune Spear.
Fl-aħħar diċenju wkoll rajna l-bidu tal-moviment #MeToo li jipprova jikkumbatti l-fastidju. Dan flimkien ma’ diversi kampanji favur id-drittijiet tan-nies li jaqgħu taħt til-kappa tal-LGBTIQ+.
Mix-xena tal-ispettaklu dan l-aħħar għaxar snin rajna l-ossessjoni tikber mal-familja Kardashian-Jenner. Din il-familja ta’ miljunarji bdiet minn xow fuq it-televixin u llum il-ġurnata qegħdin jiddominaw kull industrija fosthom tal-immudellar u l-makeup. L-iżgħar wild tal-familja, Kylie Jenner li għad għandha biss 22 sena, din is-sena kienet iddikjarata bħala l-iżgħar biljunarja fuq wiċċ id-dinja minn Forbes.
Dawn l-istejjer huma biss ftit mill-miljuni li rajna u smajna ta’ kuljum. Nisperaw biss li d-diċenju li jmiss għandu lest għalina xejn ħlief aħbarijiet sbieħ.