Iwissu lil Delia biex joqgħod attent – One News

Notifiki

Iwissu lil Delia biex joqgħod attent

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, ġie mwissi min-nies ta’ madwaru biex joqgħod attent kemm, kif u fuq min jitkellem. Irrappurtat dan il-gazzetta Kullħadd li qalet li dan qed isir għal diversi raġunijiet, b’ħafna fl-Istamperija huma konxji li dak kollu li jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jdur kontra tiegħu u saħansitra kontra l-Partit Nazzjonalista fi żmien mhux imbiegħed.

Il-Kullħadd fakkret kif fl-eqqel tal-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista tul is-sajf li għadda d-Deputat Karol Aquilina, mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, kien diġà staqsa pubblikament, talab spjegazzjoni u għamel sfida dwar ir-relazzjoni li l-id il-leminija ta’ Adrian Delia sa dakinhar, Pierre Portelli, kellu ma’ persuni llum investigati u akkużati dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Eventwalment kienu seħħew ukoll ġrajjiet fil-Partit Nazzjonalista li protagonisti tagħhom kien hemm nies qrib il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kienu episodji li mhux biss wasslu għall-kontroversja, iżda wkoll biex ċerti persuni qed joqogħdu b’seba’ mitt għajn x’dikjarazzjonijiet jagħmlu f’dan il-mument.

Fl-aħħar jiem il-Partit Laburista sfida lil Delia fejn qal li jagħmel sewwa l-Partit Nazzjonalista jekk jara sew is-sitwazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u ta’ membri prominenti fi ħdanu qabel jitfa’ akkużi dwar il-Prim Ministru. Kuntrarjament għal ħaddieħor, il-Prim Ministru dejjem mexa fuq il-pariri tas-servizzi tas-sigurtà. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu mistoqsijiet kbar li għandu jwieġeb jekk irid jitkellem dwar relazzjonijiet ma’ persuni investigati, saħaq il-Partit Laburista.

Il-gazzetta spjegat li dan it-tip ta’ diskors hu spiss fost membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u l-kelma hi li se jasal il-mument li Delia se jkollu ħafna xi jwieġeb. Dan minkejja li qed jagħmel kull sforz biex idoqq id-diska ta’ dawk li ilhom jimminawh sa minn meta laħaq.

Fl-istess ħin, għalkemm dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista ma qatgħu xejn, dawk li lil Delia jridu jneħħuh huma konxji li m’ilux wisq li l-Kap, anke jekk b’diffikultà, rebaħ vot ta’ fiduċja. Dan qed iwassal biex l-enerġija qed tkun ikkonċentrata kollha fuq il-gruppi ta’ Manuel Delia li ċentrali fihom hemm id-Deputati Jason Azzopardi u Simon Busuttil.

Fl-aħħar sigħat dawn il-gruppi ħabbru li se jkunu qed jibdew sforz biex iżidu l-membri fi ħdanhom u għal dan qed jorganizzaw laqgħat apposta. Dan fl-istess ħin li se jkomplu bl-attivitajiet fit-toroq. Il-biża’ fl-Istamperija hi li din l-organizzazzjoni tibda tħejji biex timmina l-awtorità tal-Partit Nazzjonalista u hekk ikun mod ieħor kif fix-xenarju politiku Adrian Delia jiġi rrelevanti. Għalhekk kollox jindika li din se tkun waħda mill-battalji l-kbar tas-sena l-ġdida.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend